Trump talab l-għajnuna liċ-Ċina biex jirbaħ fl-2020, offra “favuri personali” lil dittaturi

REUTERS/Jonathan Drake

Read in English.

F’rakkont xokkanti li se jkollu riperkussjonijiet kbar fuq il-politika Amerikana fis-sena tal-elezzjoni, John Bolton, l-eks konsulent dwar is-sigurtà nazzjonali tal-President Donald Trump akkuża lil dan tal-aħħar b’reati gravi fosthom li fittex l-għajnuna tal-President Ċiniż Xi Jinping biex jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni.

Bolton, espert li ilhu involut fix-xena tal-politika barranija għal snin twal, u li tkeċċa minn Trump f’Settembru li għadda minħabba differenzi politiċi, sostna wkoll li l-President esprima rieda li jwaqqaf investigazzjonijiet kriminali biex “jagħti favuri lid-ditatturi li kellu simpatija għalihom”. 

Dawn l-allegazzjonijiet saru f’siltiet minn ktieb li kienu żvelati min-New York Times qabel il-pubblikazzjoni tiegħu.

F’intervista lill-istess gazzetta, Trump wieġeb lill-Bolton u ddefinih bħala “giddieb”. Kemm in-New York Times kif ukoll il-Washington Post ippubblikaw partijiet minn dan il-ktieb, li se jġib l-isem ta’ “The Room Where It Happened: A White House Memoir”.

Trump qal lil Fox News f’intervista seperata li Bolton kiser il-liġi billi inkluda materjal klassifikat fil-ktieb.

Minn dan li ħareġ f’dawn is-siltiet, il-konsulenti ewlenin kienu jiddieħku fil-President Amerikan hekk kif dan espona lilu nnifsu għal akkużi estensivi ta’ irregolaritajiet li wasslu biex il-Kamra tar-Rappreżentanti fejn hemm maġġoranza Demokratika tapprova impeachment fil-konfront tiegħu s-sena li għaddiet.

Minkejja li l-amministrazzjoni ta’ Trump ikkritikat bil-qawwi d-detenzjoni tal-massa miċ-Ċina ta’ persuni minn minoranzi Musulmani, fosthom dawk Uighur, f’Osaka, fil-Ġappun, f’Ġunju tal-2019, Trump wera lill-President Xi li hu ma kellux problema b’dan kollu.

“Skont l-interpretu tagħna, Trump qal lil Xi li seta’ jibni l-kampijiet u li għaliħ din kienet xi ħaġa tajba”, kiteb Bolton, li sostna wkoll li uffiċjal ewlieni ieħor tal-White House ukoll qal li Trump għamel kummenti simili waqt vjaġġ fiċ-Ċina f’Novembru 2017.