‘Trump’ tal-Brażil kważi jiġi elett fl-ewwel rawnd

REUTERS/Paulo Whitaker/Nacho Doce/File Photos

Il-kandidat tal-lemin estrem u l-eks Kaptan tal-Armata Jair Bolsonaro rebaħ kważi b’nofs il-voti fl-ewwel rawnd tat-tiġrija fl-elezzjoni Presidenzjali l-Ħadd fil-Brażil.

Bolsonaro se jkun qed jikkontesta t-tieni rawnd kontra Fernando Haddad il-kandidat tax-xellug u l-eks sindku ta’ Sao Paulo. Il-Brażiljani se jkunu qed jivvuttaw fit-28 ta’ Ottubru. Huwa rebaħ b’46.3% tal-vot iżda dan ma kienx biżżejjed biex jiġi elett.

Imlaqqam bħala Tropical Trump minħabba l-aġenda nazzjonalsita, Bolsonaro irnexxillu jirbaħ wara mewġa ta’ antipatija kontra l-partiti tradizzjonali tal-pajjiż li kienu maħkuma bl-iskandli.

Huwa wiegħed li se jkun qed jimxi b’id tal-ħadid kontra l-korruzzjoni u r-reati kriminali. Fis-sena 2017 ġew irreġistrati 63,880 qtil vjolenti fil-Brażil. Huwa wiegħed ukoll li se jkun qed jagħmilha iktar faċli biex il-Pulizija toqtol.