Trump skortat wara sparatura barra l-White House

REUTERS/Jonathan Ernst

Read in English.

Il-President Amerikan kien skortat ‘il barra minn konferenza tal-aħbarijiet minn aġent tas-Servizz tas-Sigurtà wara li kienu sparati tiri barra l-White House.

L-aġent resaq lejn Trump waqt li kien qed jindirizza lil ġurnalisti, u deher jakkumpanja lill-President barra mill-kamra. Hu u ħiereġ Trump deher jistaqsih x’kien ġara.

Trump irritorna lura madwar disa’ minuti wara u spjega li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll u li raġel kien intlaqat b’tiri ta’ arma tan-nar proprju barra l-binja.

Aktar tard, is-Servizz Sigriet Amerikan ikkonferma li kien hemm sparatura li involviet uffiċjal tas-sigurtà bejn is-17th Street u Pennsylvania Avenue. Is-Servizz ikkonferma wkoll li uffiċjal tas-sigurtà u raġel ieħor kellhom jittieħdu l-isptar, iżda f’ebda mument ma kien hemm ebda periklu għall-White House.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Trump qal li r-raġel ferut kien suspett u li kien armat “minn dak li nista’ nifhem”. Madankollu, il-President żied jgħid li ma kienx jaf jekk dan il-persuna kellux intenzjonijiet ħżiena fil-konfront tiegħu.

Mistoqsi jekk dan l-inċident inkwetaħx, Trump qal: “Sfortunatament id-dinja dejjem kienet post perikoluż. Din mhix xi ħaġa ġdida. Jekk tħares lura lejn is-sekli, dejjem rajna periklu, u dan ma naħsibx li se jinbidel malajr”.

Matul dawk id-disa’ minuti, Trump ittieħed fl-Uffiċċju Ovali, li jinsab qrib il-kamra li fiha jsiru l-konferenzi tal-aħbarijiet.