Trump se jirtira s-suldati Amerikani mis-Sirja wara li ddikjara “rebħa”

FILE PHOTO: Syrian schoolchildren walk as U.S. troops patrol near Turkish border in Hasakah, Syria November 4, 2018. REUTERS/Rodi Said/File Photo

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump beda jitlob ir-ritorn tas-suldati tiegħu mis-Sirja wara li sostna li rnexxew fil-ħidma tagħhom biex ikissru l-Istat Iżlamiku u għaldaqstant ma għadx fadal bżonnhom fil-pajjiż.

Id-deċiżjoni li l-pajjiż jirtira kompletamet ġiet ikkonfermata minn uffiċjali għolja u mistennija ssir fix-xhur li ġejjin. Din ġejja wara t-tmiem ta’ kampanja fejn madwar 2,000 truppa mill-Istati Uniti ħadmu sabiex jieħdu lura t-territorji li qabel kienu maħkuma minn militanti tal-Istat Iżlamiku.

Dan il-pass, madanakollu, se jħalli lill-Istati Uniti bi ftit wisq possibiltajiet jekk ikollu jerġa jibda jissaħħaħ  l-Istat Iżlamiku. Dan il-pass jista’ wkoll ikisser kull tip ta’ poter li l-Istati Uniti għandha fuq ir-reġjun u jwaqqaf jew itappan il-ħidma li qed issir sabiex tintemm il-gwerra ċivili fis-Sirja, li ilha għaddejja propju tmien snin.

F’messaġġ fuq Twitter, Trump sostna li s-suldati kollha se jirritornaw fil-pajjiż mill-aktar fiss possibbli.

Din l-aħbar madanakollu qalgħet ħafna kritika mill-istess Repubblikani li Trump qed jirrappreżenta. Huma sostnew li dan il-pass ta’ Trump se jwassal sabeix ir-Russja u l-Iran ikollhom aktar poter fuq il-pajjiż. Iż-żewġ pajjiżi imsemmija jissapportjaw lill-President Sirjan Bashar al Assad.