Trump mistenni jħarrax il-politika kontra l-Iran

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, beħsiebu jħarrax il-politika tiegħu kontra l-Iran, u qed jakkuża lill-pajjiż li qed jitmexxa minn politika ta’ mewt u qerda.
Hu mifhum li d-diskors ta’ Trump se jdur lil hinn mill-pjan nukleari tal-Iran u jiffoka fuq każijiet oħra li għalih huma inaċċettabbli, partikularment l-attivitajiet tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni fl-Iran, li ġew akkużati li jissapportjaw lit-terroriżmu.
L-istrateġija ta’ Trump qed issir sabiex jirristringġi aktar il-pjan tal-Istati Uniti mal-Iran dwar l-armamenti nukleari, pjan li kien maqbul taħt Barak Obama u li Trump jikkritikah bosta.
Fil-fatt, Trump mistenni jirrifjuta fil-Kungress Amerikan li l-Iran qiegħed b’xi mod iżomm ma’ dal-ftehim, minkejja li entitajiet intrnazzjonali oħra qalu li l-Iran qed jagħmel hekk.
Sorsi uffiċjali qed jgħidu li Trump mistenni jargumenta li dal-ftehim kien difettuż sa mill-bidu.
Minkejja li mhux mistenni jitlob biex is-sanzjonijiet ta’ qabel il-ftehim jerġgġu jidħlu fis-seħħ, Trump aktarx se jagħmel minn kollox biex iħeġġeġ lill-Kungress japprova miżuri ġodda li l-Iran ikollu jissodisfa jekk irid li s-sanzjonijiet ma jerġgħu jiġu imponuti fuqu.
Sadanittant, Trump jinsab taħt pressjoni kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment biex ma jmissx il-ftehim li kien sar mal-Iran, li fi ftit kliem iżommu milli jkompli bi programmi nukleari.
Li jqaċċat dan il-ftehim kienet waħda mill-għajtiet ta’ Trump waqt il-kampanja elettorali.