Trump m’għadux f’riskju li jxerred il-covid – tabib tal-White House

Read in English.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump m’għadux ta’ riskju li jittrażmetti l-virus lil persuni oħrajn skont it-tabib tal-White House.

Dan il-messaġġ ta’ Sean Conley huwa l-ewwel aġġornament dwar is-saħħa ta’ Trump mill-Ħamis li għadda.

Kien hemm tħassib li seta’ kien għadu perikoluż għall-persuni ta’ madwaru wara li għamel tliet ijiem fl-isptar. Madanakollu, id-dikjarazzjoni ta’ Conley ma tgħidx jekk Trump issa rriżultax negattiv jew le.

Trump mistenni jaffaċċja lill-kandidat Demokratiku Joe Biden fl-elezzjoni presidenzjali li mistennija ssir f’inqas minn xahar, nhar it-3 ta’ Novembru.

Skont polls fil-pajjiż, jidher li Biden jinsab 10 punti aktar ‘il quddiem minn Trump Nazzjonalment. Madanakollu, hemm ċerti stati fejn jinsab b’distakk żgħir ħafna ‘l quddiem minn Trump. Hu għandu 7 punti fil-vantaġġ f’Pennsylvania, 3.7 punt vantaġġ fi Florida u inqas minn punt fil-vantaġġ f’Ohio. Dan skont polls miġbura minn Real Clear Politics.

Intant, skont ABC News jidher li 35% biss tal-Amerikani approvaw il-mod ta’ kif Trump qed jaffaċċja l-kriżi li ġabet magħha l-pandemija. Aktar minn 214,000 ċittadin Amerikan mietu wara li ħarġu pożittivi għall-virus.