Trump ma jridx iħallas għas-sigurtà ta’ Harry u Meghan

Donald Trump, il-President Amerikan, fi tweet iddikjara li ma jridx iħallas għas-sigurtà ta’ Harry u Meghan.

Ilbieraħ il-Ħadd kiteb: “Jiena ħabib kbir u ammiratur tar-Reġina u tar-Renju Unit. Ġie rrappurtat li Harry u Meghan, li telqu mir-Renju Unit, kienu se joqogħdu b’mod permanenti fil-Kanada. Issa telqu l-Kanada għall-Istati Uniti.  Madankollu l-Istati Uniti m’humiex se jħallsu għall-protezzjoni tas-sigurtà tagħhom. Iridu jħallsu huma!”

Il-Prinċep Harry, id-Duka ta’ Sussex u Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex, riċentement l-ewwel marru jgħixu mill-Gżira Vancouver fil-Kanada. Imma issa telqu għal Los Angelas fejn kibret Markle u fejn iridu jibqgħu jgħixu.

Ir-Renju Unit u l-Istati Uniti għandhom patt biex jipprovdu sigurtà għad-diplomatiċi ta’ kull pajjiż u għall-membri tal-Familja Rjali meta jżuru. Madankollu l-Prinċep Harry jidher li ma jistax jibbenefika mill-ftehim wara li hu u Meghan għażlu f’Jannar li għadda li ma jibqgħux kunsidrati bħala Rjali u dan ifisser li m’għadhomx ‘persuni protetti internazzjonali’.