Trump ma jafx hux mistieden għat-tieġ tal-Prinċep Harry

Il-President Amerikan Donald Trump qal li għadu ma jafx jekk hux mistieden għat-tieġ tal-Prinċep Harry u l-attriċi Amerikana Meghan Markle.
Mistoqsi jekk għandux invit, il-President Amerikan wieġeb li jekk wasal, għadu ma jafx bih.
L-attriċi Meghan Markle ma jidhirx li għandha grazzja ma’ Trump u kienet qed tissapportja lil Hillary Clinton fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016.
Markle kienet iddeskrivit lil Trump bħala persuni li jobgħod lin-nisa.
Minkejja dan, waqt intervista ma’ Piers Morgan fuq ITV, Trump qal li l-Prinċep u l-attriċi jagħmlu koppja ħelwa flimkien.
Meta mistoqsi dwar l-invit, apparti li qal li ma jafx hux mistieden, dawwar il-kliem u qal biss li jixtieqhom ikunu ferħana.
Ġimgħat ilu, il-Prinċep kien mistoqsi jekk hux se jistieden lill-eks President Barack Obama, wara li t-tnejn li huma żvillupaw ħbiberija bejniethom.
Dak iż-żmien, Harry, li kemm-il darba qal li jammira lil Obama għax skontu jaħsbuha l-istess, kien qal li għadhom ma ħasbux fil-lista tal-inviti.
Il-koppja se jiżżewġu fil-kappella privata ta’ Windsor Castle f’Mejju li ġej.