Trump ma ħallas ebda taxxa għal diversi snin

U.S. President Trump talks with Reuters in interview at the White House in Washington
REUTERS/Carlos Barria

Read in English.

Il-President Amerikan Donald Trump ħallas biss $750 dollari f’taxxi fuq id-dħul fl-2016, is-sena li fiha rebaħ l-elezzjoni, skont rapporti fuq in-New York Times, li kisbet aċċess għal tagħrif li jmur lura aktar minn 20 sena.

Il-ġurnal irrapporta wkoll li anke fl-ewwel sena tiegħu fil-White House huwa ħallas l-istess ammont ta’ $750, u ma ħallas ebda taxxa fuq id-dħul f’għaxra mill-15-il sena ta’ qabel għaliex iddikjara li kien qed jitlef ħafna aktar flus milli kien qed jagħmel.

Trump immedjatament ċaħad ir-rapport bħala “fake news”.

Il-Presidenti Amerikani mhumiex obbligati bil-liġi li jipprovdu dettalji tal-finanzi personali tagħhom, iżda kull wieħed sa minn Richard Nixon għamel hekk. Trump kiser it-tradizzjoni personali billi rrifjuta li jippubblika l-informazzjoni dwaru, u ġġieled battalja twila fil-qrati li ħolqot spekulazzjoni kbira dwar x’jista’ jkun fihom.

Id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħu, li anke fl-2016 kienu kwistjoni li qamu fid-dibattiti ta’ dak iż-żmien, baqgħu argument jaħraq matul il-Presidenza, u mistennija jibqgħu fuq l-aġenda sal-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru, fejn Trump qed ifittex it-tieni terminu tiegħu fil-kariga.

In-New York Times sostniet kif it-tagħrif li kisbet aċċess għaliħ jiżvela bosta informazzjoni, fosthom il-miljuni ta’ dollari li Trump irċieva mill-konkors ta’ Miss Univers 2013 li kien sar f’Moska kif ukoll dwar il-mod li huwa ddikjara bħala spejjeż in-nefqa fuq avukat ta’ difiża kriminali u dar enormi li intuża bħala rtir għall-familja.

Ir-rapport jiddeskrivi l-“kreattività” li bih il-multi-biljunarju Trump jiddikjara d-dħul tiegħu.