Trump iwaqqaf il-fondi għall-WHO

REUTERS/Joshua Roberts

Il-President Amerikan Donald Trump waqqaf il-ħlas li tagħti l-Istati Uniti kull sena lill-Organizazzjoni Dinija tas-Saħħa (WHO) għaliex sostna li din il-fergħa tan-Nazzjonijiet Magħquda għamlet ħafna żbalji fil-mod kif irreaġixxiet għall-pandemija tal-coronavirus. 

Dan il-pass kien kritikat minn ħafna esperti mediċi madwar id-dinja hekk hemm tiġrija kontra l-ħin biex jinstab tilqim u li qed jiġi koordinat fost l-oħrajn mill-WHO.

Trump kien ilu ġimghat jikkritika l-WHO għal mod kif imxiet fil-konfront tal-pandemija u l-ġimgħa li għaddiet diġa kien hemm indikazzjoni li seta’ jieħu dan il-pass.

Id-deċiżjoni ta’ Trump hi waħda sinjifikanti mhux biss għaliex id-dinja tinsab fl-eqqel tal-pandemija tal-coronavirus u bil-WHO tkun il-punt ta’ referiment tad-dinja fil-gwerra kontra dan il-virus imma l-aktar għaliex l-Istati Uniti hu l-pajjiż li l-aktar jikkontribixxi fondi lill-WHO. 

L-Istati Uniti tagħti aktar minn 400 miljun dollaru kull sena lill-WHO.

Trump hekk kif ta l-aħbar akkuża l-WHO li mexxiet ħażin ħafna fit-tweġiba inizjali għall-coronavirus u għattiet is-severita’ ta’ dan il-virus.

Fost l-ewwel reazzjonijiet għal din id-deċizjoni kien hemm dik tas-Segretarju Generali tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres, li qal li bħalissa l-hidma tal-WHO kienet kruċjali għad-dinja fil-ġlieda kontra l-coronavirus u kellha bżonn l-appoġġ kollu possibbli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn