Trump Jr ‘kien jaf’ li r-Russja riedet tgħin biex missieru jsir President

Donald Trump Junior kien infurmat li l-informazzjoni li se tagħtih l-avukat Russu, li ltaqa’ magħha fi Trump Tower, kienet parti mill-ħidma tal-Gvern Russu biex jgħin lil missieru jsir President.
In-New York Times qed tirraporta li imejl mibgħuta mill-uffiċjal tal-kampanja Trump u li organizza l-laqgħa bejn iben Trump u l-avukat Russu, kienet tgħid dan.
Trump Jr, għalkemm mhux jiċħad li saret il-laqgħa, qed jiddefendiha u mhux jikkonferma jekk ingħatax informazzjoni li setgħet tħammeġ lir-rivali ta’ missieru, Hillary Clinton.
Bħalissa kemm l-FBI u anke l-Kungress Amerikan qed jinvestigaw jekk kienx hemm uffiċjali tal-kampanja Trump li ħadmu mill-qrib ma’ uffiċjali tal-Kremlin.
Kemm il-White House u anke Moska qed jiċħdu l-allegazzjonijiet.
Ilbieraħ, l-istess ġurnal irraporta li preżenti għal-laqgħa fi Trump Tower kien hemm ukoll Jared Kushner, li huwa r-raġel tat-tifla ta’ Trump u anke l-kap tal-kampanja Trump, Paul J. Manafort.