Trump joffri ċ-ċittadinanza lil 2 miljun immigrant biex jibni l-ħajt

Il-White House qed tipproponi li toffri ċ-ċittadinanza lil madwar 2 miljun persuna li jinsabu fl-Istati Uniti bil-għan li jinbena l-ħajt kontroversjali fuq il-fruntiera mal-Messiku.
Dan huwa wieħed mill-pjanijiet li l-amministrazzjoni tal-President Trump qed tipproponi qabel ma jibdew negozjati leġiżlattivi mad-Demokratiċi.
L-abbozz ta’ liġi, li mistenni jitressaq nhar it-Tnejn li ġej, jitlob $25 biljun biex ikun jista’ jinbena dan il-ħajt, li oriġinarjament Trump kien qal li se jħallas għalih il-Messiku.
Id-Demokratiċi, fil-prinċipju, ma jaqblux mal-ħajt.
Il-pjan tal-White House huwa mifrux fuq 10 snin u joffri ċ-ċittadinanza lil 1.8 miljun persuna.
Dawn jinkludu madwar 700,000 persuna, magħrufa bħala “ħalliema” jiġifieri immigranti li daħlu fl-Istati Uniti, b’mod illegali, meta kienu tfal.
L-istess persuni kienu protetti mid-deportazzjoni minn programm introdott fi żmien il-President Obama (Deferred Action for Childhood Arrivals) li jipproteġi lil dawn il-persuni, li daħlu l-Istati Uniti b’mod illegali, meta kienu għadhom tfal.
L-immigranti l-oħra huma madwar 1.1 miljun immigrant li ma applikawx għal programm iżda li huma eliġibbli għall-iskema.
Il-pjan tħabbar wara s-shutdown tal-gvern li seħħ wara li s-Senat ma vvutax favur l-estensjoni tal-fondi federali, li jintużaw biex jiffunzjonaw id-dipartimenti u l-entitajiet tal-Gvern.
Ix-shutdown intemm ilbieraħ meta r-Repubblikani u d-Demokratiċi vvutaw għal abbozz temporanju dwar il-fondi federali.
Waħda mir-raġunijiet għalfejn intemm ix-shutdown kienet il-wiegħda tal-amministrazzjoni Trump  li jindirizza s-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħalliema u immigranti oħra.