Trump jirbaħ l-ewwel pass biex ibiddel l-Obamacare

Is-Senat Amerikan ivvota favur li jibdew diskussjonijiet dwar liġi ġdida għas-saħħa, wiegħda ewlenija tal-President Donald Trump.
Il-President Donald Trump wiegħed li jekk ikun elett President se jbiddel il-liġi dwar is-saħħa, li daħħal fis-seħħ il-preduċessur tiegħu, magħrufa aħjar bħala Obamacare.
Il-vot ittieħed wara numru ta’ tentattivi oħra li fallew, għax ħafna fil-partit Repubblikan kienu xettiċi dwar dak li qed jipproponi Trump u dwar it-tneħħija ta’ Obamacare.
Ilbieraħ il-vot għadda biss bis-saħħa tal-Viċi President Mike Pence li kellu jitfa’ vot tiegħu għax ħadd miż-żewġ naħat ma’ ġab il-maġġoranza.
B’hekk se jkunu jistgħu jibdew id-diskussjonijiet fuq din il-mozzjoni.
Trump kien wissa lis-senaturi tal-Partit Repubblikan bir-riperkussjonijiet jekk ma jmexxux ‘il quddiem il-miżuri biex titneħħa l-Obamacare.