Trump jipproponi injezzjonijiet bid-diżinfettant kontra l-coronavirus

Il-komunità medika kkritikat id-dikjarazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump wara li dan issuġġerixxa li għandha ssir riċerka dwar injezzjonijiet ta’ diżinfettant fil-ġisem bħala kura għall-coronavirus.

Deher ukoll li kien qed jipproponi li l-pazjenti jiġu trattati b’raġġi UV, proposta li ġiet miċħuda minn tabib wara l-konferenza. Uffiċjal ieħor ta’ Trump ftit qabel kien ikkummenta li d-dawl tax-xemx u d-diżinfettant huma elementi magħrufa li joqtlu l-infezzjoni.

Id-diżinfettanti huma sustanzi perikolużi u jistgħu jkunu valenużi jekk wieħed jiblagħhom, u esponiment estern għal dawn is-sustanzi jista’ jkun ta’ periklu għall-ġilda, l-għajnejn u s-sistema respiratorja.

Trump kien qed jitkellem nhar il-Ħamis matul il-laqgħa tat-task force kontra l-coronavirus fil-White House, li matulha uffiċjal ippreżenta r-riżultati ta’ riċerka li twettqet mill-gvern tal-Istati Uniti li tindika li l-coronavirus jidher li jidgħajjef meta jkun espost għax-xemx u għas-sħana.

L-istudju juri wkoll kif il-bleach jista’ joqtol il-virus fis-saliva jew fil-likwidi respiratorji fi żmien ħames minuti, filwaqt li l-alkoħol isopropiliku jaġixxi aktar malajr. Dawn is-sejbiet kienu ppreżentati matul konferenza stampa minn William Bryan, aġent Kap tad-Direttorat għax-Xjenza u t-Teknoloġija tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti.

Filwaqt li insista li r-riżultati tar-riċerka għandhom jitqiesu b’kawtela, il-President Trump issuġġerixxa li għandha ssir aktar riċerka f’dan il-qasam.

“Mela ejjew ngħidu li nittrattaw lill-ġisem b’raġġi tassew qawwija – jew UV jew anke dawl qawwi ħafna,” qal il-President filwaqt li dar fuq it-tabiba Deborah Birx, il-koordinatur responsabbli għar-rispons għall-coronavirus fil-White House, “u jidhirli li għidt li dan għadu ma sarx, imma li se tagħmlu xi testijiet.

“Imbagħad issuġġerejt li dan id-dawl jiġi mgħoddi għal ġol-ġisem, jew minn ġol-ġilda jew b’xi mod ieħor. U jidhirli li għidt li anke dan il-metodu se jiġi ttestjat. Din hi proposta interessanti,” kompla jgħid il-President.

“Imbagħad hemm ukoll sustanzi diżinfettanti li jeqirdu l-virus f’minuta. Minuta! U hemm xi mod kif nisgħtu nagħmlu xi ħaġa hekk, permezz ta’ injezzjoni jew tindif? Tkun ħaġa interessanti li għandna nippruvaw.”

Intant, diversi tobba wissew li l-idea tal-President jista’ jkollha riżultati fatali. Fost l-oħrajn Dr Vin Gupta, espert tal-pulmun, qal lil NBC News: “Din l-idea ta’ injezzjoni jew inġestjoni ta’ xi tip ta’ prodott tat-tindif hija irresponsabbli u perikoluża. Dan huwa mod komuni li jintuża minn persuni li jridu jwettqu suwiċidju.”

Il-President Trump diġà semma’ li għandha tintuża mediċina tal-malarja, hydroxycloroquine, bħala trattament possibbli għal coronavirus, għalkemm dan l-aħħar m’għadux isemmi din il-mediċina. Din il-ġimgħa studju ta’ pazjenti tal-coronavirus fi sptar tal-gvern għal veterani militari wera li mietu aktar pazjenti li rċevew trattament ta’ hydroxychloroquine minn dawk li rċevew kura normali.

F’reazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ Trump nhar il-Ħamis filgħaxija, Joe Biden, ir-rival Demokratiku li x’aktarx jisfidah fl-elezzjonijiet ta’ Novembru, kiteb fuq Twitter: “Dawl UV? Injezzjonijiet bid-diżinfettant? Għandi idea għalik Sur President: aktar testijiet. Issa! U tagħmir ta’ protezzjoni għall-professjonisti kollha li qed jaħdmu mal-pazjenti bil-coronavirus.”

Diversi organizzazzjonijiet madwar il-pajjiż wissew kontra l-użu ta’ prodotti tat-tindif bħala kura għall-coronavirus, hekk kif il-bejgħ ta’ diżinfettanti tad-dar kompla jiżdied b’rata mgħaġġla matul il-pandemija. 

Il-ġimgħa l-oħra, imħallef federali ħareġ inġunzjoni temporanja kontra organizzazzjoni magħrufa bħala Genesis II Church of Health and Healing, talli din ikkummerċjalizzat prodott ekwivalenti għal bleach industrijali bħala kura għall-virus.