Trump jiddikjara rebħa qabel iż-żmien: se jipprova jwaqqaf l-għadd tal-voti

Donald Trump
By Gage Skidmore from Peoria, AZ, United States of America - Donald Trump

Il-President Amerikan Donald Trump qed jinsisti li l-għadd tal-voti fi stati fejn s’issa jidher li qiegħed fuq quddiem għandu jieqaf minnufih hekk kif iddikjara li rebaħ l-elezzjoni presidenzjali f’ħin fejn, l-esperti jaqblu, għadu wisq kmieni biex jikkonferma dan.

Filwaqt li l-istħarriġ wera li l-kandidat Demokratiku Joe Biden kien fuq quddiem b’mod konsiderevoli, ir-riżultati aħħarin jidhru aktar pożittivi għal Trump, li jidher li rebaħ numru ta’ stati missielta, inklużi Florida u Ohio. Però għad baqa’ numru ta’ stati importanti – partikolarment Michigan, Pennsylvania u Wisconsin – fejn jidher li għadu wisq kmieni biex jiġi kkonfermat rebbieħ.

S’issa l-għadd tal-voti jpoġġi lil Trump fuq quddiem f’kull wieħed minn dawn l-istati. Però dan ir-riżultat jista’ jinqaleb ta’ taħt fuq hekk kif jingħaddu l-voti li saru bil-posta, li huma maħsuba li se jgħinu lil Biden.

Trump ilu jikkritika l-voti bil-posta, li żdiedu din is-sena minħabba l-imxija tal-Covid-19, u f’kummenti li għamel fil-White House, qed jinsisti li rebaħ l-istati missielta u li reġa’ ġie kkonfermat bħala l-President tal-Istati Uniti.

Insista wkoll li se jmur għand il-Qorti Suprema biex jitwaqqfu voti ġodda. Mingħajr l-ebda provi, allega li voti “ġodda” favur Biden jafu jfeġġu biex jinbidel ir-riżultat tal-elezzjoni.

Fl-istess ħin li pprova jwaqqaf l-għadd tal-voti fejn qiegħed fuq quddiem, però, esprima opinjoni differenti fuq l-għadd tal-voti fl-istat ta’ Arizona, fejn s’issa Biden jidher li qed jirbaħ.

Aktar kmieni, fuq Twitter u Facebook, Trump insista, mingħajr ebda prova, li l-Partit Demokratiku kien qed jimmira li “jisraq” l-elezzjoni. Is-siti għażlu li jimmarka l-kumment ta’ Trump bħala wieħed qarrieqi, kif Facebook għamel ukoll fuq kumment ieħor fejn Trump insista li kellu rebħa kbira.

Facebook fakkru li l-għadd tal-voti għadu għaddej u li għadu kmieni wisq biex tiddetermina min rebaħ l-elezzjoni.