Trump jinħeles mis-Senat minn kull akkuża fil-proċess ta’ impeachment

FILE PHOTO: U.S. President Donald Trump speaks during a campaign rally at Drake University in Des Moines, Iowa, U.S., January 30, 2020. REUTERS/Leah Millis/File Photo

Bħal ma’ kien mistenni, il-proċess ta’ impeachment fis-Senat Amerikan intrebaħ mill-President Amerikan Donald Trump u l-akkużi kontrih twarbu biex hekk intemm proċess politiku li ħoloq firda kbira fl-Istati Uniti.

Fil-vot stotriku li sar matul il-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, Is-Senat Amerikan ddeċieda li Trump ma jitneħħiex mill-kariga ta’ President tal-Istati Uniti. 

Ftit kien hemm dubju li Trump seta’ jitlef dan il-vot peress li l-maġġoranza fis-Senat hi f’idejn ir-Reppublikani għad-differenza tal-Kamra tar-Rapprezenanti li hi dominata mill-Partit Demokratiku.

Is-Senat, li hu dominat mill-Partit Repubblikan ta’ Trump, ivvota 52 kontra 48 rigward l-akkuża ta’ abbuż ta’ poter fil-konfront tal-President Amerikan u 53 kontra 47 rigward l-akkuża li fixkel l-Kungress.

Il-proċess kien beda f’Diċembru wara li l-Partit Demokratiku akkuża lil Trump li kien għamel pressjoni fuq l-Ukrajna biex tħammeġ lill-avversarju politiku tiegħu.

F’Novembru ta’ din is-sena fl-Istati Uniti se ssir l-elezzjoni Presidenzjali li Trump għandu l-intenzjoni jerġgħa jikkontesta.