Trump jifraħ lil Erdogan għar-rebħa tar-referendum

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, feraħ lil President Tork, Recep Tayyip Erdogan, għar-rebħa tar-referendum ta’ nhar il-Ħadd.
F’dar-referendum li kien dwar bidliet fil-Kostituzzjoni Torka, 51.4% tal-votanti wrew is-sapport tagħhom għal Erdogan. B'hekk, Erdogan jista' jibqa' fil-poter sal-2029.
Minkejja dan, l-oppożizzjoni Torka allegat dwar bosta intriċċi kemm qabel u wara l-għadd tal-voti, u sejħet biex ir-riżultat jiġi annullat.
Sadanittant, f’telefonata, Trump irringrazzja wkoll lil Erdogan talli dan tal-aħħar wera s-sapport tiegħu għall-missili mitfugħa mill-Amerka fuq is-Sirja ġimagħtejn ilu.
Fl-ewwel diskors tiegħu wara r-rebħa, Erdogan ħabbar li aktarx isir referendum ieħor sabiex terġa' tiddaħħal fit-Turkija l-piena tal-mewt.