Trump jirriforma l-pulizija wara ġimgħat ta’ protesti

Read in English.

Il-President Amerikan Donald Trump it-Tlieta iffirma ordni li skond hu għandha twassal għal riformi fil-mod kif topera l-pulizija filwaqt li talab sabiex kulħadd jibqa’ jobdi l-liġijiet u jżomm l-ordni madwar il-pajjiż kollu. Dan fid-dawl tal-kritika li kien qed ikollu għall-politika u r-retorika tiegħu li komplew iżidu l-firda razzjali fl-Istati Uniti.

Wara ġimgħat ta’ protesti kontra r-razziżmu u brutalità minn naħa tal-pulizija li wasslet għall-mewt ta’ George Floyd, raġel iswed li safa maqtul nhar il-25 ta’ Mejju mill-pulizija f’Minneapolis, Trump issa qed ifittex li jirrispondi permezz ta’ politika sabiex ipatti għall-inkwiet li qed iġġib l-inġustizzja razzjali. B’hekk jipprova jikseb appoġġ hekk kif tinsab riesqa l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru, fejn se jkun qed ifittex li jkun konfermat president.

Trump, Repubblikan, fetaħ id-diskors tiegħu billi esprima simpatija lill-familji tal-vittmi tal-vjolenza tal-pulizija, wiegħed li jiġġieled għall-ġustizzja u wegħdhom li l-maħbubin tagħhom mhux se jkunu mietu għalxejn. Iżda mill-ewwel dar biex iddefenda lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u hedded li jkun hemm pieni għal dawk li qed jisirqu.

“L-Amerikani jridu liġi u ordni; jippretendu liġi u ordni,” qal Trump waqt ċerimonja fil-White House, fejn tenna diskors li ġiegħel lid-dimostranti jinżlu fit-toroq, minn New York sa Los Angeles.

“L-Amerikani jafuha l-verità: Mingħajr pulizija ikun hemm il-kaos, mingħajr il-liġi jkun hemm l-anarkija, u mingħajr sigurtà ikollna katastrofi,” kompla qal.

Fil-kummenti pubbliċi tiegħu u fuq Twitter, Trump appella sabiex id-dimostranti jkunu kontrollati u enfasizza rispons qawwi u militari għall-inkwiet soċjali li tqanqal mill-mewt ta’ Floyd u ta’ oħrajn. Minkejja li ħareġ sejħa għall-għaqda, huwa uża l-indirizz tiegħu tas-soltu ta’ nhar it-Tlieta biex ikkritika lill-eks President Barack Obama, l-ewwel president iswed ta’ l-Istati Uniti għar-rekord tiegħu dwar ir-riformi tal-pulizija. L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika juri tħassib mifrux fost l-Amerikani dwar il-brutalità tal-pulizija.

L-ordni li nħarġet it-Tlieta tħeġġeġ lid-dipartimenti tal-pulizija sabiex japplikaw l-aktar standards riċenti għall-użu tal-forza, biex ikun hemm iżjed qsim ta’ informazzjoni sabiex l-ebda uffiċjali ġodda ma jiddaħħlu fil-korp bi ftit tagħrif dwarhom u l-isfond tagħhom, u jżidu lill-ħaddiema soċjali mar-rispons għall-infurzar tal-liġi għal każijiet mhux vjolenti li jinvolvu l-vizzju tad-droga jew persuni bla dar, qalu l-uffiċjali.

Il-proposta ta’ Trump hija li flus federali imorru lejn dawk id-dipartimenti tal-pulizija li jkunu kisbu ċertifikazzjoni minn korpi esterni, tipprojbixxi li pulizija japplikaw it-teknika ta’ chokeholds sakemm il-ħajja tal-uffiċjal ma tkunx fil-periklu u li jużaw armi inqas letali bħal stun guns.

Il-gruppi tad-drittijiet ċivili u l-aktar Demokratiċi prominenti, inkluż l-eks Viċi President Joe Biden, il-preżunt nominat għall-presidenza Demokratika, qalu li l-ordni ma kinitx biżżejjed.

Trump tenna li huwa jopponi sejħiet biex ma jingħatawx flus lill-pulizija billi jew li jerġgħu jitfasslu jew jiżżarmaw id-dipartimenti tal-pulizija. Id-Demokratiċi ewlenin, inkluż Biden, ma adottawx sejħiet bħal dawn, iżda r-Repubblikani ħadu azzjoni dwar din il-kwistjoni.

Il-Kamra tad-Deputati mmexxija mid-Demokratiċi, mistennija tivvota aktar tard dan ix-xahar dwar leġislazzjoni mressqa mill-Kungress biex tkun kontrollata l-kondotta ħażina fil-pulizija.

Ir-Repubblikani tas-Senat huma mistennija jħabbru l-leġislazzjoni tagħhom stess nhar l-Erbgħa li tikkonċentra aktar fuq il-ġbir tad-data milli fuq it-tibdiliet tal-politika f’żoni li jinvolvu forza letali filwaqt li Trump ħeġġeġ lill-Kungress biex jieħu azzjoni.

Id-Demokratiċi jridu dawk li jkunu sfaw vittmi ta’ mġieba ħażina mill-pulizija, flimkien mal-familji tagħhom, ikunu jistgħu itellgħu lill-pulizija l-qorti. Ir-Repubblikani qed jinsistu li titnaqqas il-protezzjoni tal-impjiegi għall-membri tal-unions tal-pulizija.

Id-deċiżjoni ta’ Trump li tipprojbixxi l-użu taċ-chokeholds tidher simili għal dak li qed jipproponu d-Demokratiċi fil-leġiżlazzjoni.

Il-leġiżlaturi Repubblikani jinsabu maqsumin dwar din il-kwistjoni.

Inimai Chettiar tan-Netwerk ta’ Azzjoni tal-Ġustizzja qalet li l-użu ta’ flus għall-għotjiet biex jinfluwenza l-politiki tad-dipartiment tal-pulizija jista’ jkun mod effettiv biex jinkisbu riżultati, iżda hija nnotat li d-Dipartiment tal-Ġustizzja ta’ Trump irreżista sforzi oħra ta’ riforma.

“Għandi ħafna xettiċiżmu f’termini ta’ kif se tiġi implimentata b’mod rigoruż,” qalet. Gruppi oħra tad-drittijiet ċivili qalu li l-ordni ta’ Trump ma marritx ‘il bogħod biżżejjed.