Trump jhedded lil Harley Davidson b’aktar taxxi

Il-President President Donald Trump akkuża lil kumpanija li timmanifatura l-muturi Harley Davidson b’“ċediment ekonomiku” u hedded li se “jintaxxahom daqs qatt qabel” wara d-deċiżjoni li jittrasferixxu l-produzzjoni ta’ muturi li huma destinati għall-UE barra mill-Istati Uniti. Dan biex jevita li jħallsu t-tariffi Ewropej li ġew impost b’ritaljazzjoni proprju għal tariffi oħra impost minn Trump fuq prodotti Ewropej.

Dan il-kliem wassal biex bosta ishma kwotati fuq Boroż ewlenin fil-pajjiż sofrew telf hekk kif kompla jikber it-tħassib ta’ kunflitt kummerċjali. Iżda Trump baqa’ jinsista li “Harley Davidson m’għandu qatt jiġi prodott barra mill-Amerika” u li jekk dan iseħħ, id-ditta titlef il-preġju tal-isem tagħha.

Trump iġġustifika l-azzjonijiet tiegħu bħala parti minn ħidma li kellha twassal biex aktar pajjiżi jnaqqsu u jeliminaw tariffi u ostakli għall-kummerċ li skont hu, jintużaw kontra l-bdiewa, ħaddiema u kumpaniji Amerikani. Iżda jidher li l-effett iktar qed ikun il-kuntrarju.

Harley Davidson diġà għandha impjanti ta’ produzzjoni barra l-pajjiż, prinċiparjament fil-Brażil, fl-Indja u t-Tajlandja. Fil-bidu ta’ din is-sena, il-kumpanija ħabbret li kienet se tipproduċi l-produzzjoni mill-istat ta’ Kansas.

CEOs ta’ Chevron u Exxon iwissu fuq kunflitti kummerċjali

Il-Kapijiet Eżekuttivi ta’ Chevron u Exxon, l-akbar żewġ kumpaniji tal-enerġija, taw twissija serja li l-kunflitt globali kummerċjali jista’ jkun ta’ dannu qawwi għall-ekonomija Amerikana u tal-bqija tad-dinja. B’referenza għal kunflitt kummerċjali bejn l-IStati Uniti u n-nazzjonijiet l-oħra, huma qalu li dan jista’ jiddestablizza l-ekonomija globali.

Fl-aħħar xhur, il-President Amerikan Donald Trump fix-xhur li għaddew  impona tariffi ġodda fuq l-azzar, l-aluminju u importazzjonijiet oħra. Dawn id-deċiżjonijiet wasslu biex bosta pajjiżi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fosthom l-UE, jimponu miżuri ta’ ritaljazzjoni fuq prodotti Amerikani, fosthom iż-żejt u muturi.

Għal kumpanija bħal Chevron u Exxon kif ukoll kumpaniji ewlenin oħra fil-qasam taż-żejt u l-gass, dan jista’ jiperikola r-relazzjoni ma’ wħud mill-akbar konsumaturi tagħhom, fosthom iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea. L-Istati Uniti hija l-akbar produttur ta’ gass naturali.  Il-Kap Eżekuttiv ta’ Chevron qal li xi kultant, ma tkunx għażla tal-kumpaniji li jixtru mnn barra l-Istati Uniti: fil-każ tagħha, mhux l-ewwel darba li ma ssbx il-kwantitajiet enormi ta’ azzar li għandha bżonn għall-pipelines tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Exxon, Darren Woods, spjega kif id-dinja kollha gawdiet mit-tneħħija tat-tariffi u l-kummerċ ħieles, u wissa’ kif ċertu investimenti kbar jistgħu ma jibqgħux attraenti jekk jiżdiedu dawn it-tip ta’ spejjeż mill-ġdid.

Diffikultajiet finanzjarji għal FastJet

Il-kumpanija tal-ajru lowcost FastJet ħabbret li jista’ jkollha tieqaf topera minħabba problemi finanzjarji kbar. Din l-aħbar waslet biex l-ishma f’din il-kumpanija, kwotata fil-Borża ta’ Londra, jitilfu aktar minn 70%, biex issa niżlu għal valur ta’ 4.5 pence.

Fastjet hija kumpanija bi proprjetà Brittanika u SudAfrikana bil-kwartieri ġenerali jinstabu f’Johannesburg. Hija ġġorr aktar minn 2.5 miljun persuna fis-sena. Il-linja tal-ajru twaqqfet mill-fundatur ta’ EasyJet Sir Stelios Haji-Ioannou, u ttir f’diversi pajjiżi Afrikani fosthom l-Afrika t’Isfel, it-Tanzanija u ż-Żimbabwe. Stelios kien oriġinarjament l-azzjonist ewlieni tal-kumpanija iżda llum għadu jżomm biss 3% tal-ishma tagħha.

Il-grupp ħabba li l-cash balance tiegħu niżel għal 3.3m dollaru fil-bidu ta’ dan ix-xahar, minn 7.5miljun ħmistax qabel. Il-kumpanija, li hija ffukata fuq is-suq Afrikan, qalet li l-infieq li kellha tagħhem riċenti, fosthom ix-xiri ta’ ekwità f’tliet ajruplani ATR72 kompla poġġa pressjoni fuq il-pożizzjonijiet finanzjarja tagħha.

Fl-aħħar sentejn il-kumpanija diġà ċekknet l-operat tagħha bħala parti minn proċess ta’ ristrutturar u issa hu mifhum li qed tfittex investiment privat ġdid biex tiżgura l-futur u l-kontinwità tagħha.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.