Trump jhedded li ma jibqax jgħin finanzjarjament lill-Palestina

Fil-ġejjieni qarib jista’ jkun li l-Istati Uniti ma tibqax tgħin finanzjarjament lill-Palestina minħabba dak li l-President tagħha qed jiddeskrivi bħala “diżrispett” lejn pajjiżu.
Donald Trump ilbieraħ kiteb fi tweet li l-Palestina mhix turi rispett lejn l-Istati Uniti, u lanqas tapprezza l-miljuni ta’ dollari li tgħinha bihom.
Skont il-president, il-Palestina mhix tgħin fin-negozjati għall-paċi ma’ Iżrael.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Fl-attakk tiegħu sab ruħu anki l-Pakistan, meta Trump qal li bħala apprezzament għall-biljuni ta’ dollari li jmorru f’dal-pajjiż, kulma tirċievi l-Istati Uniti huma gideb u qerq.
Dan kollu wara li l-istess Trump ix-xahar li għadda rrikonoxxa formalment lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, mossa li xejn ma niżlet tajjeb mal-komunità internazzjonali.
Dan ir-rikonoxximent jista’ jagħti aktar qawwa lill-Iżraeljani sabiex jokkupaw aktar djar fejn bħalissa hemm il-Palestinjani fil-Lvant tal-belt.
Trump approva wkoll sabiex titmexxa l-Ambaxxata Amerikana f’Iżrael minn Tel Aviv, fejn il-pajjiżi kollha għandhom l-ambaxxati tagħhom, lejn Ġerusalemm.
Min-naħa tiegħu, il-President Palestinjan Mahmoud Abbas qal li Trump ikkonferma kemm pajjiżu mhuwiex denju bħala mexxej għall-paċi fir-reġjun.
F’vot li ttieħed fin-Nazzjonijiet Magħquda (UN), 128 pajjiż ivvota sabiex din id-dikjarazzjoni ta’ Trump ma tiġi tiswa xejn, fosthom Malta.
Ftit qabel dal-vot, l-Istati Uniti kienet heddet li se tieħu l-ismijiet ta’ min jivvota kontriha, u ftit tal-jiem ilu ddeċidiet li tqaċċat il-baġit tagħha lill-UN minħabba dak li ddeskriviet bħala “profitt minn fuq il-ġenerożità Amerikana”.
Il-ġimgħa l-oħra l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, iltaqa’ kemm mal-President Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, kif ukoll ma’ Abbas.