Trump jhedded li jiffriża b’mod permanenti l-fondi lill-WHO

REUTERS/Yuri Gripas/Files

Read in English.

Il-President Amerikan Donald Trump it-Tnejn li għaddew hedded li jwaqqaf b’mod permanenti l-fondi lill-Organiżżazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jekk din ma timpenjax li ttejjeb l-andament tagħha fi żmien tletin ġurnata, u li jikkunsidra s-sħubija ta’ l-Istati Uniti f’din l-organiżżazzjoni.

Trump issospenda l-kontribut ta’ l-Istati Uniti lill-WHO ix-xahar li għadda bl-akkuża li din kienet qed tippromwovi d-“diżinformazzjoni” dwar il-pandemija tal-coronavirus, għalkemm uffiċjali ta’ WHO ċaħdu l-akkużi filwaqt li ċ-Ċina qalet li dejjem aġixxiet b’mod trasparenti u miftuħa.

“Jekk WHO mhiex se timpenja ruħha li twettaq tibdil sostanzjali fi żmien 30 ġurnata, jiena se niffriża b’mod permanenti l-fondi ta’ l-Istati Uniti lill-WHO u nibda’ nikkunsidra s-sħubija tagħna,” qal Trump lil Tedros Adhanom Ghebreyesus, f’ittra pubblikata fuq twitter.

Aktar kmieni, Trump qal li WHO “wettqet biċċa xogħol fqira” fil-mod kif immaniġġjat il-pandemija u li dalwaqt mistenni jieħu deċiżjoni dwar il-fondi ta’ l-Istati Uniti.

Fl-ittra tiegħu, Trump qal li l-uniku mod ‘il quddiem huwa jekk l-organiżżazzjoni jirnexxilha turi li hija indipendenti miċ-Ċina, filwaqt li żied jgħid li l-amministrazzjoni tiegħu diġa bdiet tiddiskuti xi riformi ma’ Tedros.

Nhar it-Tnejn, WHO qalet li dalwaqt mistenni jingħata bidu għal reviżjoni indipendenti tar-rispons globali li kien hemm għal dan il-virus u li diġa irċeviet sostenn u l-wegħda ta’ ħafna fondi miċ-Ċina.

Ibbażata f’Ġinevra, WHO hija l-aġenzija speċjaliżżata tan-Nazzjonijiet Uniti li qed tmexxi inizjattiva globali sabiex ikunu żviluppati vaċċini siguri u effettivi, testijiet u mediċini għad-djanjożi, il-prevenzjoni u t-trattament ta’ COVID-19. 

Iżjed minn 4.75 miljun persuna kienu rappurtati li ġew infettati madwar id-dinja filwaqt li 314,414 mietu, skond l-aġenzija Reuters.

L-Istati Uniti ikkontribwixxiet ‘l fuq minn $400 miljun lilll-WHO fl-2019, li jfisser madwar 15% tal-budget ta’ l-organiżżazzjoni.

Din is-sena, Washington diġa ħallset lill-WHO madwar $58 miljun, qalu uffiċjali mill-amministrazzjoni Trump ix-xahar li għadda, nofs dak li kien mistenni jitħallas fl-2020.

L-Istati Uniti tradizzjonalment tipprovdi mijiet ta’ miljuni ta’ dollari kull sena f’fondi volontarji marbuta b’mod speċifiku ma’ programmi ta’ WHO fosthom dawk sabiex tingħeleb il-marda tal-polio, mard li jista’ jkun evitat b’vaċċin, HIV u hepatitis, it-tuberculosi u programmi għas-saħħa ta’ l-ommijiet, trabi, tfal u adoloxxenti.

Mhuwiex ċar kemm l-Istati Uniti diġa wasslet fondi lill-WHO għall-programmi tagħha għall-2020.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn