Trump jhedded li jibgħat l-Armata iżda l-protesti jkomplu jinfirxu

Read in English.

Il-President Amerikan Donald Trump hedded li se jibgħat l-Armata Amerikana biex twaqqaf il-protesti vjolenti li qed isiru wara l-mewt ta’ raġel Afro-Amerikan fil-kustodja tal-pulizija. Dan filwaqt li l-uffiċjali tal-forzi tal-ordni sparaw bulits tal-gomma u gass tad-dmugħ biex iferrxu d-dimostranti biex il-President ikun jista’ jimxi sa knisja u jippoża għar-ritratti.

Matul il-lejl li għadda l-vjolenza kompliet f’diversi bliet u anke nfirxet f’Los Angeles u fil-Belt ta’ New York, fejn numru ta’ dimostranti kissru u vvandalizzaw numru ta’ ħwienet. “Is-Sindki u l-Gvernaturi għandhom isaħħu l-preżenza tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi sakemm titwaqqaf il-vjolenza”, sostna Trump. “Jekk belt jew stat tirrifjuta li tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiddefendu l-ħajja u l-proprjetà tar-residenti, se nibgħat is-suldati Amerikani u malajr insolvilhom il-problema”.

Wara li temm id-diskors tiegħu mill-White House, Trump mexa saż-żona li kienet ġiet żgumbrata għalih sal-Knisja Episkopali ta’ San Ġwann, fejn żamm Bibbja f’idu u ppoża għar-ritratti ma’ bintu Ivanka u mal-Avukat-Ġenerali tal-Istati Uniti William Barr.

L-Isqof tal-Knisja Episkopali ta’ Washington D.C., Michael Curry ddeplora l-użu ta’ knisja storika għat-teħid ta’ ritratti. “Bl-aġir tiegħu, huwa uża l-Knisja u l-Bibbja għal skopijiet politiċi partiġġjani”, sostna fuq Twitter. L-istess Knisja sofriet xi danni min-nirien waqt il-protesti tal-lejl li għadda.

Il-forzi tas-sigurtà li żgumbraw lid-dimostranti qrib il-White House kienu jinkludu l-pulizija militari tal-Gwardja Nazzjonali, is-Servizzi Sigrieti, id-Dipartiment tas-Sigurtà Nazzjonali kif ukoll il-pulizija tad-Distrett ta’ Kolumbja. 

F’Hollywood, għexierien ta’ persuni dehru f’filmati televiżivi jattakkaw spiżerija wara li faqgħu l-bieb ta’ barra. Id-dimostranti attakkaw ukoll stabbiliment ta’ Starbucks u żewġ ristoranti oħra qabel tferrxu mill-ulizija.

Il-protesti fi bliet oħra wkoll komplew iżidu fil-vjolenza. F’awtopsja li r-riżultati tagħha kienu ppubblikati lbieraħ instab li George Floyd, ta’ 46 sena, inqatel wara li “forza fiżika waqqfitlu l-provvista tal-ossiġnu”. Ir-rapport sab li tliet uffiċjali kkontibwew għal qtil tiegħu. Rapport ieħor sab li Floyd kien ibati bi problemi tal-qalb u li riċentament għamel użu minn metamfetamina.

Derek Chauvin, l-uffiċjal tal-pulizija ta’ Minneapolis li għafas f’irkobbtu fuq Floyd, kien arrestat u jinsab mixli bi qtil. S’issa ebda akkużi ma tressqu fuq il-pulizija l-oħra. Dan i-każ qajjem tensjonijiet razzjali kbar f’pajjiż maqsum politikament. Anke l-pandemija tal-coronavirus ħalliet impatt razzjali, hekk kif l-maġġoranza tal-każijiet ikkonċernaw persuni Afro-Amerikani.

F’għexieren ta’ bliet, ir-residenti kienu ordnati jibqgħu ġewwa, b’restrizzjonijiet li kienu ilhom ma jiġu imposti sa mill-assassinju ta’ Martin Luther King Jr fl-1968. Dan wara li mijiet ta’ eluf ta’ Amerikani kienu għadhom kemm jesperjenzaw xhur ta’ lockdown bħala parti mill-miżuri biex tkun kontrollata l-pandemija tal-coronavirus.