Trump jhedded b’attakk fuq is-Sirja; ir-Russja twiegħed li tirritaljalu

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, hedded li se jispara missili lejn is-Sirja bħala reazzjoni għall-allegat attakk kimiku li seħħ f’Damasku s-Sibt li għadda.
Fi tweet Trump kiteb li r-Russja trid toqgħod b’għajnejha miftuħin għal missili li jistgħu jitwaddbu lejn il-ħabiba tagħha, jiġifieri s-Sirja.
Min-naħa tagħha, ir-Russja wieġbet li se tirritalja jekk jintefgħu dawn il-missili.
Sadanittant, il-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, ċaħad kategorikament li kien il-gvern tiegħu li attakka b’dawn il-kimiċi l-belt ta’ Douma, li hi taħt idejn ir-ribelli.
Fi tweet ieħor, Trump qabbel lil Assad ma’ annimal ġsiebu biss biex joqtol bil-gass, u fin tweet oħra qal li r-relazzjoni tal-Istati Uniti mar-Russja qatt ma kienet daqshekk ħażina, sħansitra agħar minn żmien il-Gwerra l-Bierda.
L-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza sadanittant qablu li jaħdmu id f’id, u mifhum li qed jippreparaw għal attakk militari bħala tweġiba għall-attakk, allegatament, ta’ kimika f’Douma.
Attivisti ta’ kontra l-Gvern Sirjan qalu ajruplani tal-gvern waddbu bombi mimlija gass tossiku, iżda r-Russja wieġbet, anki permezz tal-kelliem tagħha għan-Nazzjonijiet Magħquda, li din hi kollha provokazzjoni, u li ma kien hemm ebda attakk, għax kampjuni meħuda mill-post ma wrew ebda traċċa ta’ tosku.