Trump jgħid li se jħalli l-kariga jekk Biden jirbaħ il-vot tal-Kulleġġ Elettorali

Donald Trump

Read in English.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, il-Ħamis li għadda qal li hu lest jitlaq mill-White House jekk il-Kulleġġ Elettorali jivvota għall-President elett Joe Biden. Dan kien l-eqreb li qatt ġie biex jikkonċedi t-telfa wara l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru, filwaqt li tenna d-dikjarazzjonijiet mingħajr bażi dwar frodi tal-votanti.

Meta kien qed jitkellem mal-ġurnalisti għall-festa ta’ Thanksgiving, ir-Repubblikan Trump qal li jekk il-kandidat Demokratiku Biden – li se jinħatar fil-kariga l-ġdida fl-20 ta’ Jannar – jiġi ddikjarat formalment ir-rebbieħ mill-Kulleġġ Elettorali, huwa lest li jitlaq mill-White House.

Meta ġie mistoqsi jekk kienx se jitlaq mill-White House jekk il-Kulleġġ Elettorali jivvota favur Biden, Trump qal: “Dażgur li nitlaq. Dażgur. U dan tafuh.”

Imma Trump qal li kienet tassew xi ħaġa diffiċli għalih li jċedi għax “nafu li dan huwa każ ta’ frodi massiva.”

“Din l-elezzjoni kienet imbagħbsa … fl-ogħla livelli,” insista Trump, matul diskors fil-White House li mhux dejjem kien koerenti, mingħajr ma offra l-ebda evidenza konkreta ta’ irregolaritajiet mifruxa fil-votazzjoni.