Trump jaħlef li mhux se jordna lill-Amerikani jilbsu maskri

REUTERS/Tasos Katopodis

Il-President Amerikan Donald Trump ħalef li mhux se jordna lill-Amerikani jilbsu l-maskri biex jgħinu biex titwaqqaf l-imxija tal-coronavirus.

Trump qal dan wara li l-Kap tal-Istitut Nazzjonali Amerikan għall-Allerġiji u l-Mard Infettiv, Dr Anthony Fauci, insista mal-kapi ta’ stati biex kemm jistgħu jinfurzaw lin-nies jilbsu l-maskri. Dr Fauci stqarr li huwa “ferm importanti” li wieħed jilbes il-maskri, u insista li “kulħadd għandu jużahom”.

Il-maġġoranza tal-gvernaturi tal-istati daħħlu l-ilbies tal-maskri fil-pubbliku bħala mandatorju.

Il-President Trump, li qabel ġimgħa ilu rreżista li jilbes maskra fil-pubbliku, ma’ Fox News nhar il-Ġimgħa qal li ma jaqbilx li l-ilbies tal-maskra jkun mandatorju, u li l-poplu għandu jkollu “ċertu libertà”.