Trump iwaqqaf l-armamenti lil gruppi ribelli fis-Sirja

Il-President Amerikan, Donald Trump, iddeċieda li jwaqqaf il-programm tas-CIA li bih kienet bil-moħbi tissuplixxi armamenti kif ukoll tħarreġ ribelli li kienu qed jiġġieldu kontra r-reġim ta’ Bashar al-Assad fis-Sirja.
L-aħbar ġiet żvelata minn uffiċjali Amerikani, li komplew jgħidu li b’dil-mossa l-Istati Uniti tixtieq ittejjeb ir-relazzjoni tagħha mar-Russja, li tinsab fis-Sirja spalla’ ma’ spalla tiġġieled kontra r-ribelli.
Jidher li l-programm twaqqaf ilbieraħ, iżda mitluba għal kummenti sa issa la l-kelliema għall-White House u lanqas is-CIA ma tniffsu.
Il-programm kien beda fl-2013 mill-eks President, Barack Obama, fit-tentattiv li jniżżel mill-poter lil Assad, iżda skont l-uffiċjali li tkellmu b’mod anonimu, ftit li xejn ġab riżultati.
L-uffiċjali qalu li dil-mossa ma tfissirx li l-Istati Uniti qiegħda b’xi mod terħi l-ħabel lis-Sirja jew li se tagħlaq għajnejha għall-atroċitajiet li hemm imdendlin fuq rasha, iżda li hu żgur li huwa pass biex jitjiebu r-relazzjonijiet mar-Russja.
Wieħed mill-iżvantaġġi tal-programm, li issa twaqqaf, kien li bosta ribelli mħarrġa mill-Amerikani kienu jispiċċaw jingħaqdu mal-ISIS minflok jiġġieldu lir-reġim Sirjan.