Trump isejjaħ għall-kontroll tal-armi mir-Russja u ċ-Ċina matul telefonata ma’ Putin

FILE PHOTO: REUTERS/Kevin Lamarque/File Photo

Read in English.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump enfasizza x-xewqa tiegħu għall-kontroll tal-armi li jinkludi lir-Russja u l-iċ-Ċina, matul telefonata li kellu mal-President Russu Vladimir Putin nhar il-Ħamis, skont dikjarazzjoni li nħarġet mill-White House.

“Il-President Trump reġa’ tenna li l-Istati Uniti huwa pajjiż impenjat li jimplimenta kontroll effettiv tal-armi fi sforz li jinkludi wkoll lir-Russja u liċ-Ċina, u jittama li fil-futur ikun hemm diskussjonijiet sabiex tiġi evitata ġirja għall-armamenti li tista’ tiswa ħafna flus,” iddikjarat il-White House.

Trump ilu jinsisti – mingħajr suċċess – li ċ-Ċina għandha tingħaqad mal-Istati Uniti u mar-Russja f’diskussjonijiet għal ftehim dwar il-kontroll tal-armamenti li jissostitwixxi t-Trattat New START tal-2010 bejn Washington u Moska, li jiskadi fi Frar li ġej.

Il-programm il-ġdid START stabbilixxa restrizzjonijiet fuq l-Istati Uniti u r-Russja, li ma jistgħux jużaw aktar minn 1,550armament nukleari, l-anqas livell f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, u li jillimita l-missili u bombi fuq l-art u f’sottomarini li jwassluhom.

Iċ-Ċina, li hu meqjus li għandha madwar 300 armament nukleari, irrifjutat b’mod ripetut il-proposta ta’ Trump, billi argumentat li l-forza nukleari tagħha hija waħda ta’ difiża u ma tippreżenta l-ebda theddida.

It-telefonata, li seħħet fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-waqfien tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa, inkludiet diskussjonijiet dwar il-ħidma biex titwaqqaf l-imxija tal-coronavirus kif ukoll kwistjonijiet oħra, skont il-White House, fejn Trump iddikjara li l-Istati Uniti kienet lesta li tgħin lil kwalunkwe pajjiż fil-ġlieda kontra l-marda, inkluż ir-Russja.

Wara, Trump qal lill-ġurnalisti li Putin kien aċċetta l-offerta tiegħu li jipprovdi ventilaturi biex jintużaw fit-trattament ta’ persuni infettati bil-marda respiratorja tal-COVID-19, u żied jgħid li r-Russja kienet qed tiffaċċja żmien diffiċli minħabba l-virus.

F’dikjarazzjoni separata, il-Kremlin qal li “ġie propost li n-naħa Amerikana tibgħat kunsinna ta’ apparat mediku lir-Russja” imma ma tax aktar informazzjoni.

Il-Kremlin iddikjara ukoll li ż-żewġ mexxejja ddiskutew is-swieq taż-żejt globali, kif ukoll kwistjonijiet oħra.

Dan tal-aħħar ma għamel l-ebda referenza speċifika għall-kontroll tal-armi, ġlied referenza qasira għall-fatt li ż-żewġ pajjiżi setgħu jaħdmu flimkien biex jiżguraw “stabbilita strateġika”.