Trump irid jibdel il-liġijiet dwar l-abort għax huma ħżiena

Il-President Amerikan, Donald Trump, filwaqt li faħħar il-kawża ta’ dawk li huma favur il-ħajja u rringrazzjahom għall-appoġġ li jagħtu lin-nisa tqal, wiegħed li jibdel il-liġijiet dwar l-abort li sostna li huma liġijiet ħżiena.
Trump qal dan fi tmiem mixja favur il-ħajja li saret f’Washington il-ġimgħa li għaddiet.
“Intom ġejjin minn pajjiżi u kulturi differenti imma lkoll ġejtu għal kawża sabiħa waħda: biex tibnu soċjetà fejn il-ħajja tkun ċelebrata, protetta u maħbuba. Il-Mixja għall-Ħajja hu moviment li hu frott l-imħabba”, qal Trump lid-dimostranti.
“Intom tħobbu lil kull tarbija, imwieled jew le, għax temmnu li kull ħajja hi sagra, li kull tarbija hi rigal prezzjuż ta’ Alla. Intom għentu biex għexieren ta’ eluf ta’ Amerikani twieldu, kibru u laħqu l-potenzjal kollu li tahom Alla. Dan seħħ għax hawn intom”, kompla l-President.
Qal li kien kburi u kien ta’ unur għalih li jindirizza l-folla wara din il-mixja u sostna li deċiżjoni riċenti tall-Qorti Suprema li llegalizzat l-abort madwar il-pajjiż kollu, wasslet biex saru l-aktar liġijiet permissivi dwar l-abort fid-dinja.
“Dan hu ħażin. Irid jinbidel. L-Amerikani huma favur il-ħajja”, iddikjara l-President.
Trump wiegħed l-appoġġ tiegħu għal liġi li qed tkun diskussa fil-Kamra tar-Rappreżentanti li ma tħallix li jsiru aborti tard fit-tqala meta t-tarbija mhux mitwielda tista’ tħoss l-uġigħ.
Appella lis-senaturi biex japprovaw din il-liġi importanti.
Id-diskors tal-President Trump sar l-għada li ħabbar it-twaqqif ta’ uffiċċju ġdid għall-ħarsien tad-drittijiet tal-istaff mediku li skont ma tgħidilhom il-kuxjenza jirrifjutaw li jagħmlu proċeduri bħalma huma l-abort u l-bdil tas-sess, għal raġunijet ta’ reliġjon.
L-uffiċċju se jkun inkarigat li jassigura li l-istituzzjonijiet mediċi jirrispettaw id-dritt mogħti bil-liġi, li l-impjegati tagħhom jipprattikaw it-twemmin reliġjuż tagħhom.