Trump irid iwaqqaf kull għajnuna lill-pajjiżi li jibagħtu l-migranti lejn pajjiżu

Quddiem platea ta’ imprendituri, il‑President tal‑Istati Uniti qal li qed jimmira li jdaħħal miżura ġdida li twaqqaf kull għajnuna lil dawk il‑pajjiżi barranin li qed jimbuttaw mewġ kbir ta’ migranti lejn l‑Istati Uniti.

“Meta l‑pajjiżi jabbużaw minna billi jibagħtu għandna n‑nies—u mhux l‑aħjar—aħna mhu se nagħtuhom ebda għajnuna,” qal Donald Trump. Saħaq ukoll li jrid isolvi l‑problema tas‑separazzjoni tal‑familji u ma jixtieqx li t‑tfal jittieħdu mill‑ġenituri tagħhom iżda sostna li meta l‑ġenituri jaslu b’mod illegali, iridu jitteħdulhom it‑tfal.

Il‑kumment tal‑President jikkuntrasta ferm mal‑fehmiet u dak li ddikkjarat pubblikament martu Melania, hekk kif fil‑bidu tal‑ġimgħa kkritikat il‑politika ta’ immigrazzjoni tal‑Istati Uniti. Fil‑fatt, il‑First Lady qalet li tobgħod tara tfal isseparati mill‑familji tagħhom u mpoġġija ġo gaġeġ fil-fruntiera mal-Messiku u tittama li ż‑żewġ naħat jerġgħu jingħaqdu biex ir‑riforma tal‑immigrazzjoni tkun suċċess.