Trump irid id-dettalji tal-midja soċjali ta’ dawk li japplikaw għall-visa

L-amministrazzjoni tal-President Amerikan, Donald Trump qalet li trid tibda tiġbor l-informazzjoni li, dawk li qed japplikaw għall-visa sabiex jidħlu fl-Istati Uniti, qed jitfgħu fuq il-midja soċjali.
Din il-proposta li ġejja mid-dipartiment tal-istat, tista’ tkun qed titlob lill-applikanti għall-visa sabiex jagħtu d-dettalji ta’ Facebook u Twitter tagħhom, kif ukoll l-identitajiet kollha li użaw fuq il-midja soċjali fl-aħħar ħames snin.
Madwar 14.7 miljun persuna fis-sena tista’ tiġi affetwata minn proposta ta’ dan it-tip.
L-informazzjoni se tintuża sabiex jiġu identifikati u studjati kemm immigranti kif ukoll dawk li mhumiex.
Il-persuni li qed japplikaw għall-visa jistgħu jintalbu wkoll jagħtu n-numri tat-telefown, indirizzi tal-imejl, kif ukoll lista ta’ pajjiżi li vvjaġġaw fihom fl-aħħar ħames snin. Huma se jkunu qed jintalbu jgħidu wkoll jekk ġewx deportati minn xi pajjiż, jew jekk xi membri tal-familja tagħhom kienux involuti f’xi attivitajiet terroristiċi.