Trump ikkritikat għax ma kkundannax lir-razzisti bojod

Il-White House iddefendiet il-kummenti tal-President Donald Trump, li fl-aħħar sigħat ġie kkritikat għax ma kkundannax direttament lill-grupp ta’ razzisti bojod li kkawżaw il-mewt ta’ mara.
Is-Sibt, grupp tal-lemin estrem magħmul minn suprematisti bojod, persuni li jemmnu li r-razza tal-bojod hija aqwa mir-razez l-oħra, kienu qed jorganizzaw protesta f’Virginia.
Kien hemm ukoll grupp ta’ dimostranti li ma jaqblux mal-mibegħda u r-razziżmu ta’ dal-grupp, li niżlu jipprotestaw.
Sigħat wara l-inċident, Trump kiteb li jikkundanna l-vjolenza u l-mibegħda minħabba razziżmu, jiġi minn fejn jiġu.
Iżda ma semma ebda grupp razzist, u dan qanqal reazzjoni kemm mid-Demokratiċi, iżda wkoll mir-Repubblikani, il-partit politiku ta’ Trump.
Bosta senaturi talbu lill-President isejjaħ dan l-aġir b’ismu.
Jidher li bint Trump, Ivanka, kienet aktar diretta minn missierha, meta kitbet fi tweet li fl-Istati Uniti m’għandux ikun hemm spazju għar-razziżmu, is-supremazija tal-bojod, jew in-neo-Nazi.