Trump iċedi u jtemm ix-shutdown

REUTERS/Jim Young

Il-President Amerikan Donald Trump kellu jċedi għall-pressjoni li saritlu biex ilbieraħ iwaqqaf ix-shutdown tal-Gvern Amerikan li ilu għaddej għal dawn l-aħħar 35 ġurnata. Ix-shutdown kien beda minħabba li Trump kien talab lill-Kungress biex japprova 5.7 biljun dollaru biex jinbena l-ħajt mal-fruntiera.

Il-ftehim li ntlaħaq ilbieraħ bejn il-mexxejja tal-Kungress Amerikan se jwassal biex ikun hemm iktar taħditiet fuq kif għandha tiġi assigurata s-sigurtà mal-fruntiera tal-Amerika mal-Messiku.

L-għażla li jċedi għat-talbiet tal-Kungress ġiet tliet ijiem biss wara li l-istess President kien qal li mhux se jċedi. Trump wiegħed li jerġa’ jibda b’shutdown ieħor fil-15 ta’ Frar jekk it-taħditiet bejn ir-Repubblikani u D-Democrats fil-Kungress ma jkunux sodisfaċenti. Qal ukoll li lest jiddikjara stat ta’ emerġenza nazzjonali biex jibni l-ħajt u b;’hekk ma jkollux bżonn l-approvazzjoni tal-Kungress.