Trump f’kontroversja ġdida fuq Twitter

Read in English.

Il-President Amerikan Donald Trump għamel ‘retweet’ ta’ video fejn fih jidher wieħed mis-sostenituri tiegħu fi Florida jgħajjat “white power” fil-konfront ta’ nies jipprotestaw l-amministrazzjoni tiegħu, ġest li ġibed ħafna kritika mill-alleati u l-avversarji tiegħu hekk kif qed ikomplu l-protesti wara l-qtil ta’ George Floyd.

Il-video fuq Twitter, li iżjed tard tħassar minn fuq il-‘feed’ tal-president, kien juri sostenituri u protestanti ta’ Trump ġewwa Florida joffendu lil xulxin. Wara li wieħed mill-protestanti għajjar lis-sostenitur ta’ Trump razzist, dan ta’ l-aħħar wieġeb billi għolla l-ponn u għajjar “white power” – slogan spiss użat minn suprematisti bojod.

“M’hemm xejn x’wieħed jgħid – il-video qatt ma kellu jkun retweeted u jrid ineħħieh minnufih,” qal is-senatur Amerikan Tim Scott, l-uniku Repubblikan iswed tas-Senat lis-CNN waqt il-programm “State of the Union”.

F’din it-tweet, Trump kiteb: “Grazzi lin-nies mill-aqwa ta’ The Villages”, komunità ta’ rtirati fi Florida li kien żarhom is-sena li għaddiet. 

Il-kelliema għall-White House Judd Deere qalet li l-President “huwa sostenitur kbir ta’ The Villages. Ma semax il-kumment fil-video. Dak li ra iżda, kien l-entużjażmu kbir tal-ħafna sostenituri tiegħu.”

It-tweet seħħet f’kuntest tar-rispons ostili li Trump qed juri fil-konfront tal-protesti kontra l-inġustizzja razzjali li qed isiru fI-Istati Uniti kollha wara l-mewt ta’ Floyd, raġel iswed li ma kienx armat u li miet wara li pulizija abjad niżel iserraħ irkobbtu fuq għonqu għal kważi disa minuti sħaħ f’Minneapolis.

“Il-video kien kollu profanità u kollox kien offensiv għall-aħħar. Bla dubju, il-kumment “white power” kien offensiv,” qal Scott. “M’hemmx ġustifikazzjoni. Il-video irid jitħassar.”

Il-Partit Demokratiku fi Florida akkuża lil Trump li qed jirringrazzja lis-“suprematisti bojod” ta’ l-għajnuna tagħhom u talab lin-nies kollha fi Florida sabiex jiċħdulu s-sostenn ta’ l-istat tagħhom fl-elezzjonijiet ta’ Novembru li ġej.

Trump kien akkużat b’razziżmu minn politiċi wara li huwa attakka politiċi suwed u qal lil erba’ nisa suwed fil-kungress sabiex “imorru lura u jwasslu l-għajnuna tagħhom fil-postijiet infestati bil-kriminalità li ġejjin minnu.”

Il-Viċi President Mike Pence irrifjuta ħafna opportunitajiet sabiex ilissen il-frażi “Black Lives Matter” nhar il-Ħadd, u waqt il-programm “Face the Nation” fuq CBS huwa qal: “Nemmen li kull ħajja tgħodd u hemmhekk tinsab il-qalb ta’ l-Amerikani kollha.”

Pence żied jgħid li huwa jħares lejn il-moviment Black Lives Matter bħala inizjattiva li għandha “aġenda politika tax-xellug radikali” speċjalment meta tkun qed titlob li jinqatgħu fondi lill-pulizija u jitwaqqqgħu monumenti.