Triq Waħda se jerġa’ jixxandar

Minn għada s-Sibt fl-4.15pm TVM se jkun qed jerġa’ jxandar il-mini sensiela ta’ Lino Farrugia Triq Waħda li oriġinarjament kenet ixxandret fl-1995. Din is-sensiela hi maqsuma f’sitt puntati u tinkludi s-sehem ta’ Ġemma Portelli, Charles Arrigo, Marica Mizzi, Ray Attard, Mario Micallef, Josephine Mahoney, Josie Coppini, Nathalie Micallef, Mario Micallef, Denise Mintoff, Paul Mintoff, Peter Borg, Josephine Zammit Cordina, Lilian Pace, Ray Abdilla, Elsa Romei, Mary Rose Bonello u Stephanie Farrugia. Fl-aħħar puntata jidher ukoll l-attur Żep Camilleri.

Triq Waħda hu msejjes mir-rumanz Ġirien ta’ Alfred Sacco b’addattament televiżiv ta’ Lino Grech u jwassal l-istorja ta’ 4 familji li jispiċċaw joqogħdu fl-istess blokk ta’ appartament. Il-karattri huma varji bi stejjer mqanqla ta’ dawn il-ġirien li ma jaqblux bejniethom filwaqt li tinħass id-differenza fil-klassi soċjali ma’ karattri oħra fl-istorja.

Meta xxandret oriġinarjament Ray Calleja kien qala’ kliem ta’ tifħir għall-interpretazzjoni tiegħu ta’ Johnny filwaqt li lil Ġemma Portelli narawha f’wieħed mill-aktar drammatiċi li qatt interpretat fil-karriera tagħha. Xejn inqas Josie Coppini fi rwol li jnissel tbissima iżda wkoll huwa serju fl-istess ħin.

Triq Waħda kellu produzzjoni eżekuttiva ta’ Ġorġ Peresso filwaqt li d-direzzjoni televiżiva kienet dik ta’ Mario Parascandalo.

It-tema tal-għeluq tas-sensiela hija kantata minn Georgina b’mużika ta’ Paul Abela u lirika ta’ Ġorġ Peresso.