Triq l-Imġarr: 3 imutu, 9 gravi u 62 b’feriti ħfief

F’10 snin, Triq l-Imġarr f’Għajnsielem rat aktar minn 86 inċident tat-traffiku hekk kif din iċ-ċifra toħroġ biss minn inċidenti tat-traffiku rreġistrati mal-Pulizija.

F’dawn is-86 inċident kien hemm 74 vittma li minnhom kien hemm tliet fatalitajiet, disa’ feruti gravi u 62 persuna li weġġgħu ħafif.

L-informazzjoni tal-inċidenti f’din it-triq bejn l-2008 u l-2017 ingħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia għall-Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista David Stellini.

L-akbar numru ta’ inċidenti seħħew matul is-sena l-oħra hekk kif il-Pulizija rreġistraw 12-il inċident.

In-numru ta’ dawn l-inċidenti mistenni jkompli jikber hekk kif sal-ġimgħa l-oħħra stess, raġel sofra ġrieħi serji meta kien passiġġier f’karozza li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fl-istess triq.

Fi Frar li għadda tifel ta’ 3 snin kien iddaħħal l-Isptar Ġenerali t’Għawdex bi ġrieħi gravi, u anzjan kellu jittieħed Mater Dei b’ħelikopter wara li weġġa’ serjament f’inċident tat-traffiku bejn żewġ karozzi.

Aktar kmieni fl-istess xahar isseħħ ħabta bejn 5 karozzi.

L-inċidenti ta’ din is-sena, li fihom weġġgħu xejn inqas minn 8 persuni, ma kinux inklużi fl-informazzjoni li l-Ministru ta fil-Parlament. Lanqas ma jinkludu kollużjonijiet front to rear u inċidenti li jiġu rriferuti u koperti minn Gwardjani Lokali.