Triq il-Wied se titlesta sal-aħħar tas-sena – Infrastructure Malta

Miguela Xuereb

Read in English.

Infrastructure Malta qalet li Triq il-Wied f’Ħal Balzan għandha titlesta sal-aħħar tas-sena. Qalulhom li se titlesta f’Settembru tal-2018 imma sena wara r-residenti ta’ Triq il-Wied f’Ħal Balzan qed jaffaċċaw drenaġġ, trabijiet, u storbju apparti li għandhom triq maqlugħa.

Kelliem għall-IM qal lil Newsbook.com.mt li IM qed twettaq it-tieni fażi tal-proġett ta’ Triq il-Wied. Din tinkludi t-tqegħid ta’ kilometri f’servizzi ġodda taħt l-art u l-bini mill-ġdid tal-istruttura tat-triq kollha kemm hi.

“Il-kuntratturi tal-aġenzija lestew l-ewwel fażi aktar kmieni din is-sena, meta nbniet mill-ġdid u nfetħet il-parti tan-nofsinhar tat-triq. L-aħħar kisja bl-asfalt ta’ din il-parti tat-triq se tingħata mal-bqija tat-triq meta jitlestew ix-xogħlijiet kollha. It-tieni fażi, li qed issir bħalissa, tinkludi l-bini mill-ġdid tal-parti tat-tramuntana, minn ħdejn Triq it-Tabib J. Zammit sar-roundabout tal-Iklin.”

Sena tard: Drenaġġ, trab, u storbju f’Ħal Balzan

It-tqegħid ta’ ħafna servizzi differenti li jinsabu għaddejjin biswit jew fuq xulxin fi spazju ristrett jagħmel ix-xogħlijiet ħafna aktar delikati, skont il-kelliem.

“Din kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien ilu jiġi pospost għal ħafna snin. Kull pajp jew cable irid jiġi mgħoddi minn ġo trinka, minn fuq jew taħt dawk ta’ servizzi oħrajn li ma jistgħux jitneħħew qabel ma jsiru oħrajn ġodda flokhom. Biex tpoġġi l-katusi ġodda tad-drenaġġ minflok dawk antiki li jservu mhux biss għall-binjiet f’din it-triq imma wkoll għal diversi nħawi oħrajn fil-madwar, Infrastructure Malta qed ikollha tħaffer trinek fondi aktar minn 2.3 metri, u li f’ċerti nħawi jilħqu fond ta’ aktar minn ħames metri taħt l-art (kważi żewġ sulari).”

“L-istruttura eżistenti tat-triq u s-servizzi tad-distribuzzjoni li hemm għaddejjin taħtha tħallew għexieren ta’ snin bla ma qatt saritilhom manutenzjoni. Matul is-snin, diversi entitajiet komplew iżidu diversi servizzi taħt l-art f’din it-triq qrib xulxin. Waqt ix-xogħlijiet mill-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta saħansitra nstabu cables li lanqas biss kienu ġew immarkati mill-kumpaniji li jipprovdu s-servizzi waqt il-proċess ta’ lokalizzar tas-servizzi li sar qabel ma beda l-proġett. Dan minħabba li wħud mill-konnessjonijiet tas-servizzi tant huma qodma li lanqas biss jidhru fil-pjanti ta’ dawn l-entitajiet.”

Il-kelliem qal li l-cables ikunu jridu jiġu ttestjati mill-entitajiet rispettivi biex ikun determinat jekk għadx hemm bżonnhom biex fil-każ jinbidlu. Dan il-proċess huwa neċessarju biex ikun żgurat li ma jkunx hemm periklu għall-ħaddiema u jiġi evitat il-qtugħ ta’ xi servizz.

“F’ċerti każi, lanqas ikun jidher b’mod ċar jekk il-cables ikunux tal-elettriku jew tat-telekomunikazzjoni. Biex dawn il-cables jinbidlu m’oħrajn ġodda, ikun hemm bżonn li jitqattgħu iżjed trinek u jiġu modifikati servizzi oħrajn li jkunu ġew ippjanati biex jgħaddu mill-istess post. Minħabba f’hekk, it-tqattigħ tat-trinek li normalment jieħu inqas żmien qed isir f’fażijiet żgħar, biex ma ssirx ħsara lil infrastrutttura eżistenti li għadha tintuża.”

Biex tnaqqas kemm tista’ l-inkonvenjent, ix-xogħlijiet qegħdin isiru f’sezzjonijiet biex b’hekk tingħalaq biss parti

Fi kliem il-kelliem, il-Kunsill Lokali kontinwament qed ikun mgħarraf bix-xogħlijiet, u dan qed iżomm lir-residenti u s-sidien tan-negozji informati skont il-ħtieġa.

“Il-periti u tekniċi ta’ Infrastructure Malta qed jirċievu t-talbiet għall-għajnuna, mistoqsijiet u lmenti mingħand ir-residenti tat-triq u jitkellmu magħhom sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jnaqqsu l-isfidi li proġett estensiv bħal dan iġib miegħu.”