Triq il-Linja f’Ħ’Attard se titlesta qabel is-sena skolastika – Infrastructure Malta

Il-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq il-Linja mistenni jitlesta qabel ma tibda s-sena skolastika skont Infrastructure Malta.

Kelliem għal Infrastructure Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li din it-triq kien ilha fi stat ħażin għal snin twal u li l-Kunsill Lokali ma kellux ir-riżorsi meħtieġa biex jirranġaha. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard qal li jeżisti periklu għas-sewwieqa u dak li l-kunsill iddeskriva bħala ‘kaos totali’ minħabba xogħlijiet fit-toroq li, l-kunsill sostna, ma kienx konsultat dwarhom.

Madanakollu, kelliem għal Infrastructure Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li x-xogħol beda wara laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill aktar kmieni din is-sena “li fiha l-membri tal-istess Kunsill talbu l-għajnuna biex din it-triq tinbena mill-ġdid.” Il-kelliem spjega li “x-xogħlijiet jinkludu l-bdil ta’ diversi meded ta’ pajpjiet tas-sistema tat-tqassim tal-ilma u ta’ servizzi oħra, bini ta’ bankini ġodda, u t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti biex tinkesa b’pedamenti u saffi ta’ asfalt ġdid. Peress li t-triq hija dejqa, ma kienx possibbli li jsir it-tħaffir tat-trinek għall-katusi tal-ilma b’mod sigur mingħajr ma tingħalaq għal ftit jiem.”

Skont il-kelliem, ix-xogħol qed isir matul il-jum sabiex ma jinħoloqx storbju fi triq f’inħawi fejn jgħixu ħafna familji fis-sigħat tal-mistrieħ bil-lejl. Żied jgħid li l-periti tal-proġett qed iżommu lill-kunsilli lokali ta’ Ħ’Attard u ta’ Ħal Balzan infurmati b’kull żvilupp fil-ħidma biex din it-triq tinbena mill-ġdid bl-aħjar mod u mill-aktar fis.

Skont l-għaqda Attard Residents Environmental Network (AREN) hemm livelli aktar għoljin ta’ tniġġis fl-arja ta’ Ħ’Attard u konġestjoni f’livell kritiku fit-toroq tal-madwar. Fi stqarrija, l-AREN qalet li Triq tal-Linja ngħalqet minħabba xogħlijiet li kienu qed isiru. Spjegat li f’każijiet bħal dawn hemm bżonn il-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta jew tal-Pulizija biex jidderieġu lis-sewwieqa. Żiedet tgħid li s’issa ma ttiħditx azzjoni dwar dan u appellat lit-Trasport Malta biex taġixxi.