Triq il-Kosta reġgħet miftuħa għat-traffiku

Triq il-Kosta reġgħet tinsab miftuħa għat-traffiku wara li x-xogħlijiet f’Kennedy Drive u li minħabba fihom it-triq kienet se tingħalaq kompletament għat-traffiku għal ġimgħa sħiħa, tlestew qabel mistenni.
Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal ukoll li għat-tliet xhur li ġejjin, it-traffiku li ġej minn Pembroke għal San Pawl il-Baħar xorta jrid jibqa’ jgħaddi min-naħa tal-Magħtab u jgħaddi mit-Telgħa t’Alla u Ommu.
Intqal li x-xogħol li kien jinvolvi t-tħaffir ta’ trinka biex jgħaddi d-drenaġġ f’fond ta’ kważi żewġ metri ‘l isfel mill-wiċċ tat-triq baqa’ għaddej anke matul il-lejl biex jitnaqqas l-inkonvenjent lill-pubbliku.
Fi stqarrija ntqal ukoll li l-aħħar partijiet mill-karreġġjati li kienu qed jiġu iffurmati f’dawn l-aħħar xhur tlestew bl-ewwel saff ta’ asfalt u diġa bdew jintużaw għat-traffiku.
Jirriżulta wkoll li fin-naħa ta’ ħdejn is-Salini, l-aktar parti dejqa tal-proġett, it-twessiegħ tat-triq qed isir bi proċess aktar kawt minħabba s-sejba ta’ diversi fdalijiet arkeoloġiċi.