‘Trid villaġġ biex trawwem u teduka’ – Ministru għall-Edukazzjoni

Minister for Education and Employment Evarist Bartolo launches the Institute of Education's prospectus 2019-Institute of Education, Martin Luther King Hall, Pembroke-9-5-19

Read in English.

Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li jaqbel mal-qawl li jgħid trid villaġġ, anzi trid komunità sħiħa biex trawwem u teduka tifel u tifla.

Dan intqal wara li l-Istitut għall-Edukazzjoni nieda t-tielet prospectus annwali mis-sena 2015. L-għan tal-Istitut huwa li jippromwovi edukazzjoni ta’ kwalità għolja u jrawwem komunitajiet ta’ tagħlim, u li eventwalment jolqot lill-edukaturi fil-livelli ta’ tmexxija kollha.

F’dan il-prospectus, li jinkludi lista ta’ programmi varji, qed jiġi offrut 21 programm ta’ kwalifika differenti li jinkludu tmien Bachelor u disa’ Masters of Education f’oqsma varji, tliet Post-Graduate Certificate, kif ukoll il-Masters in Applied Educational Leadership (MQF 7). Apparti dawn, l-Istitut se jkun qieħed jerġa’ joffri 69 kors akkreditati.

Fost il-programmi offruti għas-sena skolastika 2019-2020 se jkun hemm inklużi suġġetti vokazzjonali fosthom l-Agribusiness, l-Engineering Technology u l-Ospitalità.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni semma li ser inkunu qed jerġgħu jsejħu lill-għalliema tal-Malti, tal-Ingliż, tal-Matematika, tal-IT u tax-Xjenza biex magħhom jinħadmu s-sillabi applikati l-ġodda, biex jitħarrġu dwarhom u dwar l-assessjar, u biex is-sillabi jkunu tal-għalliema wkoll.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima sostnietli  l-Istitut qed jagħti opportunità lil min jaħdem u li fl-istess ħin għandu l-ambizzjoni li jsir edukatur biex ikompli jikber professjonalment. Grima tkellmet ukoll li bit-teknoloġija tal-‘online platform’ qed tiżdied l-aċċessibilità u l-flessibilità li persuna tista’ tkompli tistudja u ttejjeb l-ħiliet.

L-Istitut għall-Edukazzjoni se jkun qed jorganizza ‘Open Day’ il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju, bejn it-3:00 ta’ wara nofsinhar u t-8:00 ta’ filgħaxija fejn se jkun qed jospita lil dawk kollha interessati biex japplikaw għall-korsijiet għal aktar gwida u informazzjoni dwar il-kriterji tal-eliġibilità, l-istruttura tal-programmi u l-metodi ta’ tagħlim.