Trid titgħallem tibni presepju?

Għall-15-il sena konsekuttiva se jiġi organizzat is-seminar tal-presepju fix-Xagħra, Għawdex. Din is-sena qed ikun organizzat mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex –Malta li twaqqfet fl-1985, bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Ghaqda Il-Milied fix-Xagħra u tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra. Is-seminar se jsir nhar il-Ħadd 20 ta’ Ottubru, u jibda fit-8.30am permezz ta’ quddiesa fil-Knisja ta’ Ġesu Nazzarenu li se titqaddes mill-Assistent Ekkleżjastiku l-Kan. Dun Mikiel Borg. Fi tmiem il-quddiesa, ġewwa ċ-Ċentru Ġesu Nazzarenu li jinsab ħdejn l-istess knisja, se tingħata lekċer permezz ta’ diversi slides u video clips minn Victor Agius dwar ix-Xena tan-Nativitá fl-istorja taċ-Ċinema.

Is-seminar jilħaq il-qofol tiegħu permezz tal-presepista’ Malti Benny Camilleri li se juri kif juża t-teknika artistika tiegħu fil-ġablo u l-ġibs biex jibni presepju. Ta’ min jirrimarka li s-Sur Camilleri għadu kif irritorna mis-sitt kors fl-Italja dwar il-bini tal-presepju flimkien ma’ Antonio Pigozzi.

L-Għaqda Il-Milied fix-Xagħra taħdem ukoll fil-qrib mal-iskola primarja tax-Xagħra fejn isiru extracurricular sessions dwar il-bini tal-presepju. Din is-sena hija waħda speċjali għax-Xagħra u għad-dilettanti tal-Presepji għax il-Presepju storiku mekannizat fuq stil bibliku li jsir fil-Mużew tas-Subien fi Triq Dun Ġorg Preca ġewwa l-istess raħal qed jagħlaq ħamsin sena minn meta sar u ntwera għall-ewwel darba għall-pubbliku.

Is-Seminar qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra u ċ-ċentru Ġesu Nazzarenu. Id-dħul għas-seminar huwa b’xejn. Għal aktar informazzjoni ibgħat imejl fuq miliedxaghra@gmail.com jew żur il-paġni ta’ Facebook Għaqda Milied Xagħra.

Din l-għaqda ilha mwaqqfa mill-2004 u taħdem b’mod volontarju sabiex tgħin u torganizza attivitajiet marbuta mal-folklor u t-tradizzjonijiet tal-Milied Malti fir-raħal tax-Xagħra. Din l-għaqda hija affiljata mal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta est. 1985 u taħdem mill-qrib mal-Parroċċa ta’ Marija Bambina flimkien mal-Arċipriet Mons. Carmelo Refalo u mal-għaqdiet kollha tar-raħal tax-Xagħra u tgħin biex ikun hemm koordinazzjoni fl-attivitajiet kollha organizzati fil-Milied.

Ma nistgħux ma nagħmlux referenza għall-presepji esebiti ġewwa x-Xagħra li żgur mhux forsi huma kkunsidrati bħala l-attrazzjoni prinċipali f’dan ir-raħal matul dawn iż-żminijiet. Din is-sena se jkun hemm 30 presepju artistiku kemm mekkaniċi kif ukoll statiċi flimkien ma’ presepju barokk kbir maħdum f’Napli.