Trid tistudja l-Junior College? Ara x’għandek tagħmel biex tapplika

Se ssir laqgħa ta’ orjentazzjoni għal studenti li jixtiequ jibdew jistudjaw il-Junior College, nhar l-Erbgħa, fis-sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta.
Fi stqarrija l-Università qalet li dawk li kunjomhom jibda bl-ittri minn A sa Ċ jistgħu jattendu għal-laqgħa fit-8.30am, dawk li kunjomhom jibda bl-ittri mid-D sa M  jistgħu jattendu fl-10am filwaqt li dawk li kunjomhom jibda bl-ittri minn N sa Ż jistgħu jattendu fil-11.30am.
Kull laqgħa se tkun indirizzata mill-Prinċipal, mis-Senior Lecturer tal-Junior College Paul Xuereb u minn uffiċjali oħra tal-Kulleġġ.
Il-prospectus tal-Junior College LI se jitqassam lill-istudenti prospettivi waqt din il-laqgħa jinkludi l-informazzjoni neċessarja għal istudenti biex jagħżlu s-suġġetti u japplikaw.
L-istudenti li jixtiequ jidħlu l-Junior College bħala studenti tal-ewwel sena f’Ottubru 2017, kif ukoll dawk li qed jistennew ir-riżultati, iridu japplikaw online billi jidħlu fuq din il-ħolqa bejn it-Tlieta 1 u t-Tlieta 8 t’Awwissu 2017.
Studenti li lestew l-ewwel sena f’istituzzjoni oħra u jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom, jew jixtiequ jirrepetu t-tieni sena tagħhom fil-Junior College, ukoll jistgħu japplikaw, b’kundizzjoni li jilħqu l-kundizzjonijiet neċessarji.
Minn nhar il-Ħamis il-Kulleġġ se joffri servizzi ta’ gwida u għajnuna għall-istudenti fl-għażla tas-suġġetti.
Studenti li għandhom bżonn l-għajnuna, għandhom iċemplu l-Counselling and Guidance Service fuq 2590 7423 jew 2590 7291.