Trid tippremja lil min jagħtik servizz bi tbissima?

Deo Debattista

Tnediet il-kompetizzjoni Servizz bi Tbissima 2018, li tirrikonoxxi lil dawk il-bejjiegħa li jimxu mal-liġijiet li jipproteġu lill-konsumaturi u li joffru rimedji li legalment mhumiex obbligati joffru.
Din is-sena l-kompetizzjoni se tkopri ħames kategoriji prinċipali ta’ negozji: bejjiegħa lokali onlajn, negozji li joffru servizzi fi ħdan is-settur tal-ivvjaġġar, negozji li jbigħu prodotti elettroniċi u oġġetti tad-dar, supermarkets u minimarkets, u ħwienet li jipprovdu prodotti u servizzi fil-moda u fis-sbuħija.
Iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Inġinier Helga Pizzuto qalet li l-ilmenti naqsu b’25% f’dawn l-aħħar tliet snin. 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista  stqarr li l-għan ta’ din il-kompetizzjoni hu li tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ bejn il-konsumatur u n-negozji. Huwa saħaq li “illum il-ġurnata hemm kompetizzjoni qawwija fis-suq, kemm minn bejjiegħa oħra lokali kif ukoll minn bejjiegħa barranin, u l-konsumatur sar ħafna aktar b’saħħtu”.
Wieħed jista’ jaċċessa l-kompetizzjoni permezz tal-paġna ta’ Facebook jew mill-websajt. Il-kompetizzjoni se tibqa’ miftuħa sal-Erbgħa 4 ta’ Lulju. 
Ritratt: Pierre Sammut