Malta mgħerrqa fil-korruzzjoni – Transparency International

Luke Zerafa

Read in English.

Malta ġiet elenkata bħala wieħed mill-pajjiżi li għandha tinżamm l-attenzjoni fuqu fl-aħħar Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni maħruġ minn Transparency International, peress li hi “mgħerrqa fil-korruzzjoni.”

Fir-rapport li jevalwa s-sena 2019, Malta ġiet fil-50 post minn 180 b’54 punt. Tilfet sitt punti mill-2015 ‘l hawn. Iktar kemm pajjiż ikollu punti, iżjed ikunu baxxi l-livelli ta’ korruzzjoni skont kif tkun il-perċezzjoni.

Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li ġabu l-iżjed punti din is-sena kienu d-Danimarka (87/100), il-Finlandja (86/100) u l-Iżvezja (85/100). Dawk li ġabu l-inqas punti kienu l-Ungerija u r-Rumanija (44/100) u l-Bulgarija (43/100).

Il-medja tal-punti kien ta’ 66, jiġifieri Malta ġabet inqas mill-medja. Madankollu, hemm imniżżel li għandha tinżamm l-attenzjoni fuq Malta.

Kemm ġabet Malta tul is-snin?

  • 2019: 54 punt – fil-50 post
  • 2018: 54 punt – fil-51 post
  • 2017: 56 punt – fis-46 post
  • 2016: 55 punt – fis-47 post
  • 2015: 60 punt – fl-34 post

Ir-rapport jgħid li f’Malta, il-korruzzjoni qed timmina s-saltna tad-dritt. Jgħid li nuqqas sinifikattiv tal-intergrità politika qed jikkontribwixxi biex politiċi u oħrajn jaħbu flus illeċiti f’kumpaniji sigrieti.

Transparency International qalet ukoll li mhux ta’ b’xejn li sentejn wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li nqatlet għax kienet qed tirrapporta fuq il-korruzzjoni, il-pajjiż għadu mgħerreq fil-korruzzjoni.

Ir-rapport jispjega li, “Minkejja appelli miċ-ċittadini Maltin, mill-familja Caruana Galizia u mill-komunità internazzjonali biex jissolva l-każ, il-Gvern kaxkar saqajh fil-proċeduri ġudizzjarji. Diversi skandli, fosthom il-Panama Papers, il-kollass ta’ bank Malti u l-iskema ta’ ‘golden visa’ li tbigħ iċ-ċittadinanza Maltija lil investituri sinjuri barranin jista’ jkun li qed jikkontribwixxu għal kemm niżlet Malta fl-indiċi tal-korruzzjoni.”

Spjega tal-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni