Trid tintrefa’ responsabbiltà għall-periklu kkawżat minn xogħlijiet fi Triq Sant’Andrija – Cassola

Google Maps

Read in English.

Wara inċident tat-traffiku serju li ħalla mara fil-periklu tal-mewt, il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qed jinsisti li għandha tintrefa’ responsabbiltà għan-nuqqas ta’ senjalaġġ u avviżi adegwati fi Triq Sant’Andrija, fis-Swieqi, fejn qed isiru xogħlijiet minn Infrastructure Malta.

F’affidavit indirizzat lill-Kummisarju tal-Pulizija Angelo Gafà, Cassola, li jgħix fi Swieqi, innota kif hu stess – u ħafna oħrajn – setgħu spiċċaw f’inċident ikrah minħabba n-nuqqas ta’ sinjali.

It-triq ġiet imdejqa temporanjament minħabba x-xogħlijiet li għadhom għaddejjin, iżda Cassola nnota kif sewwieqa ġejjin minn Baħar iċ-Ċagħaq faċilment jistgħu jispiċċaw fuq in-naħa l-ħażina tat-triq.

“Jien ġrali hekk il-Ħamis 31 ta’ Diċembru 2020. Lanqas sinjal wieħed ma kien hemm li javżak li l-korsija li kont qed insuq fiha f’daqqa waħda ssir ‘lane’ min-naħa l-oħra,” stqarr Cassola. “Titla’ l-biċċa telgħa u f’daqqa waħda ssib il-karozzi ġejjin għal fuqek mill-istess korsija.”

Il-lettur tal-Università ta’ Malta qal li lest jipproduċi ismijiet ta’ persuni oħra li għaddew “minn din l-esperjenza trawmatika.”

“L-awtoritajiet kollha kompetenti għandhom iżommu lil kull min hu responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet responsabbli talli qed jipperikolaw il-ħajja tan-nies. Jekk l-aġenzija Infrastructure Malta hija responsabbli għal dan il-proġett ghandha terfa’ wkoll ir-responsabbiltà sabiex dan isir b’mod għaqli u bis-sinjali u avvizi kollha meħtieġa sabiex ma jkunx hemm inċidenti,” qal Cassola.

Zied jgħid li għamel id-dikjarazzjoni tiegħu għax għajja jara din it-tip ta’ traskuraġni.