Trid tinġarr ir-responsabbilità li l-Air Malta għadha qed tagħmel it-telf – MHRA

Matul l-ewwel tliet xhur tas-sena ġiet irreġistrata żieda ta’ 7.7% fil-wasliet tat-turisti u żieda ta’ 5.8% fl-iljieli meta mqabbel mal-istess żmien tas-sena li għaddiet.
Mir-rapport tal-MHRA għall-ewwel kwart tas-sena jirriżulta li kien hemm żieda ta’ 16% fl-okkupanza tal-lukandi b’ħames stilel filwaqt li kien hemm żieda ta’ 18.3% fl-okkupanza tal-lukandi b’erba’ stilel.
Għaldaqstant kien hemm tnaqqis ta’ 0.3% fil-lukandi ta’ tliet stilel.
Mir-rapport jirriżulta wkoll li kien hemm żieda fil-profitt tal-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel.
Iż-żidiet fil-wasliet tat-turisti ġew irreġistrati fis-swieq tradizzjonali fosthom ir-Renju Unit u l-Italja filwaqt li kien hemm tnaqqis mis-suq Libjan u dak Russu.
Matul il-preżentazzjoni tar-rapport, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li l-lukandi qed jaffaċċjaw theddida ġdida mill-akkomodazzjoni privata bħal AirBnB.
Qal li din hi sfida tal-low cost simili għal-linja tal-ajru l-kbar.
Zahra qal li l-MHRA se tagħfas sabiex il-postijiet li joffru akkomodazzjoni privata jkunu konformi mal-istess rekwiżiti għas-sigurtà li jridu joffru l-lukandi.
Enfasizza li l-MHRA trid iżjed roħs fil-kontijiet tad-dawl biex jirrifletti l-prezz internazzjonali taż-żejt.
Tony Zahra tkellem ukoll dwar il-€230 miljun fir-ristrutturar tal-Air Malta u kif il-linja nazzjonali tal-ajru għadha qed tagħmel it-telf.
Sostna li xi ħadd irid iġorr ir-responsabbilità.
Filwaqt li ddeskriva t-turiżmu bħala l-pilastru tal-ekonomija, qal li l-Gvern irid jagħmel iżjed sforz għaliex it-turisti meta jgħaddu minn qalb ix-xogħlijiet quddiem Kastilja qed jaħsbu li waslu f’xi pajjiż tal-ISIS.