Trid tikkompeti bil-presepju? Fetħu l-applikazzjonijiet

Festivals Malta ħabbret li sitt tipi differenti ta’ presepji se jkunu eliġibbli f’kompetizzjoni li l-ewwel tliet rebbieħa se jirbħu premji fi flus.

Skont l-istqarrija, it-tipi ta’ presepji huma presepju mekkaniku, presepju kbir, presepju ta’ qies medju, presepju żgħir, presepju oriġinali fil-materjal, presepju oriġinali fl-eżekuzzjoni.

L-istqarrija tispjega wkoll li l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju se torganizza Konvenzjoni għall-Ħbieb Ewropej tal-Presepju 2018 li se tlaqqa’ dilettanti tal-presepju mill-Ewropa u minn madwar id-dinja għall-erbat’ijiem bejn is-7 u l-11 ta’ Novembru.

Rigward il-kompetizzjoni, l-Għaqda spjegat li kull presepju jrid ikun miftuħ għall-pubbliku mill-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru 2018 sal-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019, mill-5.00pm sat-8.00pm.

L-applikazzjonijiet jiftħu t-Tnejn 15 ta’ Ottubru 2018 u jagħlqu l-Ġimgħa 16 ta’ Novembru 2018 u għandhom jintbagħtu fl-Uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Arti: 16, ‘Casa Scaglia’, Triq MA Vassalli, il-Belt Valletta. Għal aktar dettalji, tista’żżur www.festivalsmalta.org, jew tibgħat fuq info.fm@festivalsmalta.org jew ċempel fuq 23397000.