Trid tiġbed ajruplan b’risq Puttinu?

Infetħu l-applikazzjonijiet għall-ħames edizzjoni tal-Ġibda tal-Ajruplan DHL Express li se ssir fl-1 ta’ Mejju bil-fondi miġbura imorru kolha għall-fondazzjoni Puttinu Cares.

It-timijiet ta’ mill-inqas 20 persuna iridu jippruvaw jiġbdu ajruplan DHL Express Boeing 757-200 Freighter li jiżen madwar 60 tunnellata, distanza ta’ 20 metru fl-inqas ħin possibbli.

Fi stqarrija DHL spjegat li dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem kemm bħala individwu kif ukoll fi grupp mitlub jagħmel donazzjoni ta’ €15. L-applikazzjoni tinsab online fuq il-paġna ta’ Facebook Plane Pull Malta.

L-avveniment se jsir fil-Park tal-Avjazzjoni ta’ Ħal Safi (Gate 8) bejn l-10.30am u l-4pm.

Dakinhar tal-avveniment kull tim se jkollu l-opportunità li jiġbed ajruplan waqt wieħed minn erba’ slots ta’ ħin.

Il-Maniġer ta’ DHL Express Malta Charles Schiavone ħeġġeġ lill-pubbliku jipparteċipa u fakkar li fl-aħħar ħames snin ġabru iktar minn €10,000 għall-karità.