Trid tapplika kull sena biex tieħu l-flus tar-reġistrazzjoni lura

Il-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li għalkemm fil-perjodu eliġġibli għar-rifusjoni tat-taxxa rreġistraw aktar minn 60,000 karozza, sa issa Transport Malta rċievet iktar minn 9,500 applikazzjoni u minnhom ġew ivvalidati aktar minn 7,000.
Dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru qal li l-pagamenti għal dawk l-applikazzjonijiet li ġew ivvalidati se jitqassmu fuq seba’ snin u se jibdew jingħataw minn Mejju li ġej. Madanakollu min applika din is-sena għandu jerġa japplika kull sena għas-seba’ snin li ġejjin.
Qal ukoll li l-pagamenti tal-persuni li jmutu waqt li jkunu qegħdin jirċievuhom jntirtu mill-eredi tagħhom. 
Il-Ministru Mizzi qal li l-persuni eleġibbli biex japplikaw huma dawk li xtraw il-karozza tagħhom bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008. Barra minn hekk hu qal li sabiex persuna tkun eleġibbli trid tkun qed tuża l-karozza għall-użu personali tagħha.
Dawk kollha li huma interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan sat-28 ta’ Marzu 2014.