“Trid issib mezz kif tgħin lil dawk li jinqatgħu mir-reġistru” – Comodini Cachia

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Therese Comodini Cachia, talbet lill-Gvern sabiex jara kif se jgħin lil dawk il-persuni li jinqatgħu mil-lista tar-reġistrar.
Waqt sessjoni Parlamentari li fiha ġew ippreżentati l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Jobsplus, Comodini Cachia qalet li ċifri mogħtija mill-Gvern juru li kważi persuna minn kull ħamsa mill-5,000 ruħ li jirreġistraw għax-xogħol fuq Part 1, inqatghu jew irtiraw.
Semmiet kif f’Għawdex 2,300 persuna waqfu jirreġistraw għax-xogħol mingħajr raġuni u 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa la kienu qed jaħdmu u lanqas jistudjaw.
Hija esprimiet tħassib serju li dawn il-persuni qed jitneħħew mil-lista tar-reġistru sabiex, skontha, il-livell tal-qgħad jibqa’ baxx.
Filwaqt li saħqet li dawn il-persuni ma nistgħux nitilfuhom, talbet ukoll lill-Ministru Bartolo sabiex jekk dawn inqatgħu mir-reġistru minħabba illegalitajiet, jissustanzja billi jindika x’kienu l-abbużi u x’passi ttieħdu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru rrimarka li fi spezzjonijiet li saru, instabu 3,500 ħaddiem jitħaddmu bla ktieb tax-xogħol, filwaqt li 1,105 oħra nqatgħu mir-reġistru minħabba illegalitajiet.
Comodini Cachia kkritikat ukoll lill-Ministru għall-iskema tal-Jobsplus li kienet bagħtet ħaddiema bil-prekarjat mal-General Workers’ Union.
Temmet l-intervent tagħha billi rreferiet għad-distakk fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u qalet li minn differenza ta’ ftit aktar minn 6% fl-2012, id-differenza splodiet ghal 10.6% fl-2014. Qalet li għalkemm din hija inqas mill-medja Ewropea, il-fatt li qed tibqa’ tiżdied huwa allarmanti.