Trevor Zahra jipprotesta kontra ċirkulari bl-Ingliż

    L-awtur Malti Trevor Zahra qal li hemm il-periklu li bil-mod il-mod, il-Maltin se jibdew jitilfu l-lingwa tagħhom u skont hu issa qed jibda jberraq bis-serjetà.

    F’post fuq Facebook, Zahra ppubblika silta minn ċirkulari li Kap tal-Iskola bagħat lill-ġenituri. L-awtur ta’ diversi kotba Maltin iddeskriva din iċ-ċirkulari bħala tal-mistħija.

    “Minħabba n-numru ta’ barranin li qed jiżdied ġmielu fl-iskola tagħna, iċ-ċirkolarijiet li jintbagħtu d-dar se jibdew joħorġu kollha bl-Ingliż. Min ikollu problema u jrid spjegazzjoni ta’ xi ċirkolari, ikun jista’ jikkuntattja lill-Amministrazzjoni tal-iskola jew lis-Segretarjat,” tgħid iċ-ċirkulari.

    L-awtur Malti tenna li filwaqt li għandu d-dettalji kollha tal-iskola u l-Kap tal-Iskola, kien se joqgħod lura milli jxandarhom.

    Hu żied jgħid li “xi wħud jieħdu gost jiddikjaraw li aħna pajjiż bilingwi, imma mid-dehra, għalihom dan ma jfissirx li l-Malti u l-Ingliż jgħixu flimkien, imma biss li jitwarrab il-Malti”.

    Saħaq ukoll li kien hemm min ipprotesta mal-awtoritajiet, madankollu s’issa għadu bla tweġiba.